“Nibża li binti titla’ f’soċjeta bla valuri u rispett lejn l-ambjent”
L-MP Kristy Debono titkellem mal-ILLUM dwar ħajjitha bħala omm u politikanta
minn Albert Gauci Cunningham
Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Kristy Debono li saret omm ftit iktar minn tliett xhur ilu tistqarr mal-ILLUM li l-akbar biża’ tagħha huwa li bintha, Serena Dawn, titla’ f’soċjeta’ nieqsa mill-valuri tal-imħabba u r-rispett lejn l-ambjent. F’intervista li fiha nitkellmu dwar diversi suġġetti, naturalment l-aktar il-politika, Debono tistqarr illi hija kontra l-abort, favur drittijiet ta’ persuni gay u kontra l-possibilita’ li f’pajjiżna jiftħu porn jew sex shops.
Dwar l-abort l-ILLUM jistaqsi lil Debono taħsibx li wasal iż-żmien li tal-anqas is-suġġett ikun diskuss, bir-risposta tagħha tkun “jekk b’diskussjoni irridu nfissru diskussjoni li tispiċċa partiġġjana, mela le ma naqbilx”. Tagħmilha ċara illi hija kontra l-abort mija fil-mija “għax m’hemm ebda raġuni valida għaliex int għandek tneħħi ħajja ta’ xi ħadd, speċjalment meta tiftakar li hemm tant mijiet ta’ ġenituri li lanqas jistgħu jkollhom tfal”. L-ILLUM ifakkar li hemm min jargumenta li “ġismi tiegħi u nagħmel bih li rrid” b’Debono tgħid bl-aktar mod ċar illi ma’ dan l-argument ma’ tistax taqbel. “Lanqas jekk ma jkollokx tarbija m’għandek dritt tagħmel li trid b’ġismek, għax jekk tagħmel il-ħsara lilek innifsek tkun teħtieġ il-kura li, wara kollox is-soċjeta’ kollha trid tħallas għaliha. Aħseb u ara kemm tista tagħmel li trid b’ħajjet ħaddieħor”.
Il-Ftuħ ta’ sex shops huwa rigress
Dan il-ġurnal staqsa lid-Deputata Nazzjonalista l-istess mistoqsija li staqsa numru ta’ nies dwar il-possibilita’ tal-ftuħ ta’ sex jew porn shops fil-pajjiż wara bidliet proposti riċentament. Debono ma tantx tomgħoda “għalija dan rigress u onestament ma naħsibx li hija xi ħaġa li għandna niftaħru biha. Għalkemm fil-liġi għadni ma dħaltx ma nistax nara x’benefiċċju jista jkollhom dat-tip ta’ ħwienet”. Mistosija minn dan il-ġurnal kif se tivvota ladarba dawn l-emendi jaslu l-Parlament hija qalet illi l-ewwel trid tara x’pożizzjoni se jieħu l-PN u li l-ewwel teħtieġ li tidħol aħjar fil-liġi.
Għalfejn astjeniet fil-vot dwar l-Unjoni Ċivili
Debono tistqarr illi hija dejjem kienet u tibqa favur drittijiet ugwali u taqbel mal-kunċett ta Unjoni Ċivili bejn persuni tal-istess sess, għalkemm stqarret li għaliha dejjem kien punt ta’ tħassib l-adozzjoni minn koppji gay. Mistoqsija għalfejn kellha jew għad għandha dan it-tħassib hija tgħid li minkejja li fil-verita’ huwa irrelevanti min irabbi t-tfal, xorta tħoss li l-figura ta’ omm hija importanti ħafna. “Forsi jien nirraġuna hekk għax tlift lil missieri ta’ eta’ żgħira u allura naf iktar xi tfisser il-figura tal-omm” saħqet Debono li spjegat kif tħoss li n-nuqqas tal-omm jista jkun ta’ żvantaġġ. Dwar il-politika tal-PN f’dan il-qasam hija tgħid illi fil-verita’ l-pożizzjoni tal-partiti huma qrib xulxin għalkemm tikkritika lill-Gvern preżenti li m’għamilx l-istudji neċessarji li wiegħed li se jagħmel qabel idaħħal liġi li tippermetti adozzjoni minn persuni tal-istess sess.
Dħalt fil-PN minħabba l-kwistjoni tal-UE
Mal-ILLUM Kristy Debono tistqarr illi l-kwistjoni li ressqitha lejn il-PN kienet dik dwar id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. “Dak iż-żmien iddeċidejt li nissieħeb fil-partit għax kont nemmen fil-viżjoni ta’ Malta bħala membru sħiħ tal-UE u għax ma kontx nara alternattiva għal Eddie Fenech Adami”.
Id-diskors jaqa’ fuq l-eks-Prim Ministru Fenech Adami li hi tqisu bħala “leġġenda u ġgant politiku”. Għalkemm ma tiftakarx is-snin 80, meta dan il-politiku kiber fl-istatura tiegħu, “xorta nħoss li dan il-bniedem kien strumentali għad-demokrazija u l-liberta’ tal-kelma f’pajjiżna. Dak iż-żmien kienet ta’ ftaħir li tkun Nazzjonalist”, qalet Debono. Allura illum m’għadux ta’ ftaħir li tkun Nazzjonalist, staqsa l-ILLUM. “Iva dażgur li għadu” tgħid Debono, li tammetti wkoll iżda li dak iż-żmien il-PN kien fl-aqwa żminijiet tiegħu.
L-ILLUM jirrimarka kif hija bdiet tistabilixxi ruħha fil-PN lura fl-2006 meta l-PN żgur li ma kienx fl-aqwa tiegħu. Għalhekk dħalt fil-politika dak iż-żmien? Għax ħassejt li l-PN kellu bżonnok? “Ħassejtni fil-post it-tajjeb, kif dejjem ħassejtni. Dak iż-żmien il-PN imexxi minn Lawrence Gonzi kien sab sfidi ekonomiċi kbar. Il-PN sab problemi ekonomiċi kbar u xorta l-ekonomija tal-pajjiż baqgħet miexja ‘l quddiem”.
Allura l-ILLUM jistaqsi lil Debono kif il-PN xorta kellu disfatta tant kbira bid-Deputata tgħid illi r-riżultat tal-2013 kien l-aktar kwistjoni ta’ “żmien” li l-PN kien ilu fil-Gvern. “Kienet naturali li jkun hemm bidla u kien hemm Joseph Muscat, mexxej ġdid”. Hija tgħid li Muscat kellu kampanja tajba ħafna li kkonċentrat fuq minoranzi, li flimkien għoddew ħafna. Minkejja dan hija żżid tgħid li l-poplu ma ngħatax il-ġenna, li skontha, Muscat wiegħed.
Fiduċjuża li nirbħu l-elezzjoni li jmiss
Ma setgħax jonqos li Debono titkellem ukoll dwar il-Kap preżenti tal-PN Simon Busuttil li fl-opinjoni tagħha irnexxielu “jerġa jgħaqqad lill-partit u jirkupra ħafna mill-voti li tilef fl-aħħar elezzjoni ġenerali”. Mistoqsija b’mod dirett jekk taħsibx li l-PN jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss Debono stqarret illi mill-house visits li qed tagħmel “qed insir fiduċjuża li nirbħu l-elezzjoni ġenerali li ġejja”.
Tarbija ġġib ferħ li ma tispjegahx
Intant l-intervista tagħlaq fuq l-fatt li ftit xhur ilu Debono saret omm. “Li tkun omm ġġib ferħ li ma tistax tispjegah f’ħajtek. Naturalment il-ħajja tinbidel u l-ħin jonqos”. Hija ssellem u tirringrazzja lin-nanniet li b’dedikazzjoni qed jieħdu ħsieb u jagħtu minn ħinhom għat-trobbija tat-tfal. “Il-valur tan-nanniet fid-dinja tal-lum huwa imprezzabbli, Allaħares ma jkunux huma” temmet tgħid Kristy Debono.