Renzo Piano jżur il-Parlament u lill-Ispeaker

Renzo Piano jagħmel żjara ta' kortesija lill-Ispeaker Anġlu Farrugia.

Il-Perit Renzo Piano jżur għall-ewwel darba l-parlament il-ġdid minn meta l-parlament beda jiffunzjona minnu.
Il-Perit Renzo Piano jżur għall-ewwel darba l-parlament il-ġdid minn meta l-parlament beda jiffunzjona minnu.

Aktar kmieni llum, Renzo Piano, l-arkitett ta’ fama internazzjonali u l-moħħ wara l-bini tal-parlament il-ġdid fil-Belt Valletta, għamel żjara ta’ kortesija lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia.

Piano, li kien akkumpanjat mis-Sinjura Piano flimkien ma’ diversi membri mit-tim tal-perit Piano, iddawwar mal-binja tal-Parlament minħabba li din kienet l-ewwel żjara tiegħu fil-binja minn meta l-Parlament Malti beda jiffunzjona minnha.

Wara l-laqgħa, l-Ispeaker Anġlu Farrugia ppreżenta pittura fuq il-ħġieġ, xogħol l-artist Malti Luciano Micallef li kien ukoll preżenti waqt l-istess preżentazzjoni.

Aktar tard waranofsinhar, l-Ispeaker se jkun qed jinawgura l-esebizzjoni tax-xogħlijiet relatati mal-bini tal-Parlament, xogħol tal-istess arkitett Renzo Piano.

Preżenti għal-laqgħa li nżammet fl-uffiċċju tal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, kien hemm preżenti wkoll l-Ministru tat-Trasport u Infrastruttura Joe Mizzi, iċ-Ċermen tal-GHRC Stefan Zrinzo Azzopardi, is-Sur Chris Paris u l-perit Antonio Belvedere, flimkien ma’ uffiċjali oħrajn mill-uffiċċju ta’ Renzo Piano.

More in Politika