L-Għajta l-aqwa fl-Ewropa mhux slogan iżda qed iseħħ

Stqarr dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat waqt intervent telefoniku fuq ONE Radio l-Ħadd filgħodu.

"Huwa ċar li l-figuri qed juru li l-ekonomija sejra tajjeb, iżda l-istess figuri m’għandhomx idaħħlu l-illużjoni li wasalna jew li m’hawnx faqar. Għad fadal xi jsir, iżda llum il-qgħad qed jonqos, l-ekonomija qed tikber, ix-xogħol qed jiżdied u d-dejn naqas. L-Għajta li nkunu l-aqwa fl-Ewropa mhux slogan iżda qed iseħħ."

Il-Prim Ministru saħaq li l-istatistika hija ċara u turi li l-ekonomija sejra tajjeb, iżda l-importanti li l-poplu jħoss dan it-tkabbir, u llum hawn aktar nies jaħdmu, għandna t-tielet l-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea, it-tieni l-inqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea kollha, u dan kollu meta writna sitwazzjoni fejn kien hawn 7,000 ruħ bla xogħol, spjega l-Mexxej Laburista.

Dr Muscat semma kif illum 8 minn kull 10 Maltin qed jgħidu li l-ekonomija miexja ‘il quddiem, figura li hija impressjonanti, sostna l-Prim Ministru. 84% tal-Maltin, issokta Joseph Muscat qed jgħidu li l-qagħda finanzjarja tagħhom u tal-familja tagħhom hija tajba. Il-Qagħda tkompli titjieb billi wieħed ikompli għaddej bix-xogħol. Ilbieraħ erġajna raħħasna l-prezz tal-gass, u permezz ta’ hekk tajna imbuttatura oħra, hekk kif illum għandna l-inqas prezz f’4 snin, aċċenna l-Mexxej Laburista.

Is-Sena l-oħra, fakkar Joseph Muscat, fost il-prijoritajiet li kellu Simon Busuttil kien hemm il-prezzijiet tal-fuel. Illum il-poplu Malti u Għawdxi għandu rasu mistrieħa għax hawn stabbilità l-istess bħal m’għamilna bil-gass, fejn dan reġa’ raħas fis-sajf, żmien li se jkun qed jgħin lin-negozji b’mod partikolari.

Għall-ewwel darba wara ħafna snin se jkun hawn żieda fil-pensjonijiet

Fuq il-pensjonijiet, il-Prim Ministru qal li I-pass li jmiss huwa li l-konsultazzjonijiet fuq il-proposti tal-working group, iwasslu biex għall-ewwel darba wara ħafna snin ikun hawn żieda fil-pensjonijiet. Dr Muscat semma kif ilbieraħ il-Partit Nazzjonalista qal li b’dak propost fuq il-pensjonijiet ser jitħalla l-faqar, iżda mur ġibna m’għamilna xejn u ħallejna l-affarijiet eżatt kif sibnihom, stqarr il-Mexxej tal-Partit Laburista.

Tal-inqas qed inkunu kkritikati li mhux qed inżidu bizzejjed, u mhux li ħallejna l-affarijiet kif inhuma u ħallejna l-pensjonijiet jitnaqqru, stqarr il-Prim Ministru.

Joseph Muscat għamel referenza għall-kritika li qed tagħmel l-Oppożizzjoni fejn din qed tgħid li dawn mhux sostenibbli, iżda dawn huma l-istess nies li basru bail-out, minkejja li naqas il-qgħad, u naqas id-dejn b’€100miljun, fejn l-unika bail-out li tħaddem kien dak li ħa għalih innifsu l-Partit Nazzjonalista, fakkar Dr Muscat.

Il-Mexxej Laburista qal li dan il-Gvern ser jagħmel dak li ħaddieħor m’għamilx, ħa jżid il-pensjonijiet, mhux ħa jħalli l-pensjonijiet ta’ faqar li ħalla l-Partit Nazzjonalista. Ma naqblux mal-proposta tas-Second Pillar li trid l-Oppożizzjoni, li effettivament tfisser li jkollok bolla obligatorja mal-privat. Il-Partit Nazzjonalista jridha, aħna le. Bilmod ta’ kif qed nagħmlu r-riforma aħna mhux se jkollna bżonn li nżidu l-piżijiet, stqarr il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Fl-Aħħarnett il-Mexxej Laburista semma kif il-Ministru George Vella jinsab lura Malta filwaqt li rringrazzja lil kull min ta l-għajnuna waqt il-konvalixxenza tiegħu.

 

More in Politika