Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil illum preżenta erba’ kawżi ta’ libell fil-Qorti kontra l-gazzetti tal-GWU u kontra r-radju u t-televiżjoni tal-Partit Laburista wara li skont hu dawn xandru stejjer infondati u malafamanti fil-konfront tiegħu.
“L-artiklu tat-Torċa huwa gidba mill-bidu sal-aħħar. Invenzjoni sħiha bla ebda nitfa’ ta’ verità. L-istess huma l-features fuq One TV u One Radio, kif ukoll l-artiklu tal-gazzetta l-Orizzont dwar l-istess storja. Għalhekk ftaħt erba’ kawżi ta’ libell biex tirbaħ il-verità kontra l-gideb tal-Partit Laburista,” qal Dr Busuttil.
Dr Busuttil kompla jgħid, “Jiena kburi li lil Gaffarena kelli l-kuraġġ ngħidlu le, meta ltqajt miegħu qabel l-aħħar elezzjoni – fuq talba tiegħu stess – u talabni li jinħariġlu l-permess għall-pompa tal-petrol mibnija illegalment. Jekk xejn, dan huwa ċertifikat li jiena mhux biss nemmen f’politika nadifa, iżda nwettaqha.”
“Kien proprju għax aħna għidnilu le, li Gaffarena dar mal-Partit Laburista, partit bla sinsla, li tah kull ma talbu. Taħt Gvern Laburista, Gaffarena jieħu li jrid: min permess ta’ pompa tal-petrol mibnija illegalment sa’ miljuni ta’ ewro għal nofs dar fi Strada Żekka il-Belt. U li kieku ma kienx għall-media indipendenti li kixfithom, kienu se jagħmlu l-istess bl-Għassa tal-Pullizija tal-Belt. Din hija korruzzjoni istituzzjonalizzata.”
Dr Busuttil temm jgħid: “Fil-paniku li għandhom dwar l-iskandli li jorbtu lil Kastilja mal-familji ta’ Gaffarena u Zammit, il-Partit Laburista mingħalih li se jipprova jivvinta gidba fuqi biex jiddevja l-attenzjoni. Iżda din il-mossa se tfalli għax hija mibnija fuq gidba. U għax konvint li hija gidba, ftaħt dawn il-kawżi ta’ libell għax ma nibżax mill-verità.”