[Aġġornat] Il-ħames libell ta' Busuttil kontra l-midja tal-GWU f'jumejn
Jgħid li l-istorja dwar Joe Cassar u l-affidavit ippublikat huma "allegazzjonijet giddieba"
More in Politika
Jgħid li l-istorja dwar Joe Cassar u l-affidavit ippublikat huma "allegazzjonijet giddieba"
L-istorja dwar l-affidavit li ffirma J.Gaffarena u li dehret fuq il-ġurnal tal-GWU illum, wara l-istorja maħruġa fuq it-Torċa il-Ħadd li għadda waselet biex il-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil jiftaħ il-ħames libell fil-konfront tal- midja tal-GWU f'temp ta' jumejn. Huwa qal li l-istorja hija gidba u "għal kollox ivvintata".
"Fil-paniku tiegħu li jaħrab mir-responsabbilità li għandu jġorr, is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon spicca juża lill-familja Gaffarena bħala t-tarka tiegħu."
"Jiena niċħad bl-aktar mod kategoriku l-allegazzjonijiet giddieba fil-gazzetti tal-General Workers Union u m'għandi l-ebda dubju li l-verità se toħrog fil-Qorti. Għalhekk qed niftaħ kawża oħra ta' libell," sostna Simon Busuttil.
Huwa żied jgħid: "Sakemm issir ġustizzja fil-Qorti, inħalli f'idejn in-nies jiġġudikaw lil min jemmnu bejni u bejn xi ħadd bħal Gaffarena li ħaxxen bwietu mal-Gvern Laburista."
"Infakkar li Gaffarena mar għand il-Partit Laburista proprju għaliex jien kelli l-kuraġġ ngħidlu le meta ġie għandi jitlob permess għall-pompa tal-petrol li bena llegalment. Għall-kuntrarju l-Partit Laburista, għax bla sinsla u bla prinċipji, tah dak li ried u aktar. Jekk xejn, mela, dan huwa ċertifikat ta' kemm jien irrid politika nadifa mhux bil-kliem biss iżda b'għemili wkoll. Mhux ta' b'xejn li l-Partit Laburista issa qed juża lil Gaffarena bħala t-tarka tiegħu."
"Il-Gvern Laburista ta lil Gaffarena permess għal pompa tal-petrol illegali u tah ukoll miljuni ta’ ewro għal nofs dar fil-Belt. Allura ma setax jonqos li Gaffarena issa jħallas lura lil Michael Falzon billi jintuża sabiex jivvintaw gidba ħoxna dwari."
"Jekk Michael Fazlon jaħseb li b'daqshekk il-poplu se jinsa l-iskandli tiegħu qed jgħarralu. L-Oppożizzjoni se tibqa’ tinsisti li Michael Falzon jerfa r-responsabbilità għal dak li għamel. L-Oppożizzjoni se tibqa’ tiggieled din il-korruzzjoni istituzzjonalizzata tal-Gvern Laburista u taħdem biex tnaddaf il-politika f'pajjiżna."
Intant ilbieraħ l-Aġent Editur tat-Torċa u l-editur tal-Orizzont Josef Caruana, fi stqarrija sostna li "b’referenza għall-kawżi ta’ libelli li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista" għoġbu jiftaħ illum it-Tnejn 3 t’Awwissu 2015 kontra t-Torċa u L-Orizont b’rabta mal-istorja f’tal-ewwel ilbieraħ u li għarrfet b’laqgħa fid-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà, kif ikkonfermata mill-PN stess f’reazzjoni li ntalbet mill-Kamra tal-Aħbarijiet tagħna lill-kelliem uffiċjali tiegħu s-Sibt u li l-istess tweġiba xotta ġiet ippubblikata fl-intier tagħha bħala parti mill-istess artiklu oriġinali, inżommu ma’ dak kollu li ġie mxandar fl-istess storja bbażata fuq tagħrif minn sorsi affidabbli qrib il-PN."
Kull tagħrif ieħor li nkiseb minn mistoqsijiet li saru lis-Sur Joe Gaffarena, li flimkien ma’ ibnu Mark, kien preżenti għal-laqgħa ma’ Busuttil, dak iż-żmien Viċi Kap Nazzjonalista, u Joe Cassar, dak iż-żmien il-Ministru tas-Saħħa, fost oħrajn, ukoll ġew ippubblikati."
L-istqarrija ta' Caruana ttemm tgġħid "Għall-ġid tad-demokrazija lokali u għax aħna nemmnu fid-dritt tal-poplu li jkun mgħarraf b’dak kollu ta’ interess pubbliku, aħna wkoll irridu li toħroġ il-verità, li jidher li ħafna minnha għadha mistura sew fil-każ u anke f’kull relazzjoni li hemm jew seta’ kien hemm bejn il-familja Gaffarena u l-PN. Dan ukoll nemmnu li jista’ jitfa’ aktar dawl fuq il-mod u t-tip ta’ reazzjonijiet tal-PN illum, immexxi minn Busuttil innifsu."