Dalgħodu tnejn mill-gazzetti ta' nhar ta' Ħadd, It-Torċa u l-Malta Today ħarġu bi stejjer dwar il-familja Gaffarena u l-'ħbieb' u 'partners' fin-negozju tal-familja li ġejjin mill-kamp tal-PN.
It-Torċa ppubblikat dokumenti mill-qorti li juru li Beppe Fenech Adami u David Gonzi (iż-żewġ ulied ta' żewġ eks kapijiet tal-PN u Prim Ministri) kienu l-konsulenti legali tal-familja Gaffarena. Tliet membri tal-familja Gaffarena, Marco, Christopher u Johann kienu rappreżentati fil-qorti minn Beppe Fenech Adami skont ir-rapporti fit-Torċa. Partijiet mid-dokumenti tal-qorti jidhru li jindikaw li Fenech Adami u anke David Gonzi kienu konsulenti ta' dawn it-tlieta b'Fenech Adami jkun involut f'żewġ każi separati quddiem ir-'Rural Lease Control Board' fl-2003 u fl-2004 u anke fl-2004 quddiem is-sala ewlenija tal-qorti Ċivili. Dan il-fatt ma jreġix meta Fenech Adami qal li lil ġurnalisti li lil Gaffarena jafu biss 'by sight'.
L-artiklu jkompli jgħid li Fenech Adami waqaf li jirrapreżentahom meta floku daħal Gonzi li dan l-aħħar ismu kien imsemmi f'konnessjoni ma' investigazzjonijiet fil-flus maħsula tal-mafja mill-pulizija Taljana, kompliet tikteb it-Torċa. Dan jikkontradixxi dak li sostna Beppe Fenech Adami f'dawn l-aħħar ġimgħat, fost l-oħrajn f'intervista mal-ILLUM il-ġimgħa l-oħra fejn qal hekk"
“Jien u Gaffarena ma kellniex ħbiberija. Iktar tista ssejħilha konoxxenza. Jiena qatt ma mort niekol miegħu. Konna mistednin fl-istess okkażjoni u hemmhekk ltqajna.”
Intant, illum ukoll Saviour Balzan fil-Malta Today irraporta li l-eks segretarju Ġenerali Joe Saliba, erba xhur wara li ħalla l-kariga, xtara blokk ta' appartamenti fil-qalba ta' Paceville flimkien ma' Joe Gaffarena. Dan il-blokk f'Ball Street kien jikkonsisti f'penthouse, erba appartamenti u kantina b'bar għal prezz ta' €232,936 fis-6 ta' Ottubru 2008. Dak iż-żmien Saliba kien innega li kien qed jaħdem ma' xi persuna partikolari wara li telaq minn segretarju Ġenerali.