Parti mill-Università Amerikana ta'Malta fil-Kottonera: Il-Bormliżi jgħidu tagħhom • Filmat: Ray Attard /MediaToday
Wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar il-pjanijiet tal-Gvern li parti mill-Università Amerikana ta’ Malta (AUM) se tkun qed tiġi żviluppata fil-Kottonera, il-ġurnal ILLUM mar Bormla biex jara r-residenti u s-sidien tan-negozji x’jaħsbu.
Minkejja li s-sentiment dwar dan l-investiment prospettiv huwa wieħed pjuttost pożittiv, l-aktar minħabba l-possibilità li proġett bħal dan jagħti imbuttatura ekonomika lil Bormla, Birgu, u l-Isla, dawk li tkellmu magħna wrew ċertu tħassib dwar kwistjonijiet relatati ma’ infrastruttura, parkeġġ, iffullar, u l-użu ta’ binjiet storiċi.
L-ILLUM staqsa jekk jaqblux li parti mill-Università għandhix issir fil-Kottonera u jekk iva, fejn jaħsbu li dan għandu jsir. Fost l-aktar postijiet li l-Bormliżi semmew, kien hemm dak tal-British Building tul il-Baċir numru 1. Minkejja li d-dawra ġdida tal-baċir tat dehra ħafna isbaħ lill-post u żvog ġdid lill-Bormliżi, f’dawn l-aħħar xhur kienu bosta l-mistoqsijiet dwar x’se jiġri minn dan il-bini storiku u abbandunat. Fost l-għidut s’issa, kien hemm li se ssir boutique hotel, li jkun hemm ristoranti u negozji, kif ukoll li parti mill-bini jintuża bħala maħżen għall-festi jew għal klabb tar-regatta. Dan tal-aħħar kien miċħud mis-Sindku ta’ Bormla Alison Zerafa.