
‘Il-fażi preżenti tal-Air Malta hija waħda delikata’ – Zammit Lewis
Il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis joħroġ reazzjoni għall-istorja li dehret fuq l-ILLUM

More in Politika
Il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis joħroġ reazzjoni għall-istorja li dehret fuq l-ILLUM
B’risposta għall-istorja li dehret fuq il-gazzetta ILLUM ta’nhar il-Ħadd u onlajn, il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis saħaq li l-fażi preżenti fl-istorja tal-Air Malta hija waħda “delikata” u li għalhekk il-Gvern irid joqgħod attent biex ma jfixkilx xi diskussjonijiet li jistgħu jkunu għaddejjin.
Fil-ħarġa tal-ILLUM ta’nhar il-Ħadd, ġie żvelat kif mill-aħħar informazzjoni li ngħatat lil President tal-Unjin tal-Cabin Crew Noel àMercieca, l-Ministru Zammit Lewis kien qal li “m’hemm l-ebda sieħeb strateġiku interessat” fl-Air Malta. Huwa qal ukoll li meta l-unjin staqsiet lill-istess Ministru jekk il-Gvern kienx f’diskussjonijiet mat-Turkish Airlines, dan “dejjem innega.”
Fir-risposta inizzjali tiegħu għall-mistoqsijiet ta’ dan il-ġurnal, fosthom jekk il-Gvern għadux għaddej b’diskussjonijiet mat-Turkish Airlines sabiex din tkun sieħeb strateġiku tal-Air Malta, l-Ministru Zammit Lewis qal biss li l-Gvern m’għandu xejn xi jżid mal-kummenti li saru meta din il-kwistjoni qamet f’Mejju li għadda.
Iżda, f’ reazzjoni wara l-istorja ppublikata fuq l-ILLUM, Zammit Lewis qal hekk:
“Din il-fażi fl-istorja tal-Air Malta hija wahda delikata u għalhekk il-Gvern irid joqgħod attent li ma jkunx parteċipi fi spekulazzjoni żejda u b' kummenti li possibilment iffixklu diskussjoniiet li jistgħu jkunu għaddejjin. Il-Ministru jibqa kommess li jikkomunika aħbarijiet u soluzzjonijiet rigward il-linja tal-ajru meta l-mument ikun opportun. L-għanijiet tal-Gvern jibqgħu li l-Air Malta terġa' ssir kummerċjalment vijabbli, tibqa’ ass strateġiku għall-industrija tat-turiżmu u ikunu kreati aktar opportunitajiet għall-ħaddiema.”
Nota Editorjali: Filwaqt li l-ġurnal ILLUM u s-sit illum.com.mt japrezza u jifhem il-pożizzjoni tal-Ministru Edward Zammit Lewis u tal-Gvern bħala negozjatur f’isem l-Air Malta, jfakkar ukoll kif l-istorja li dehret il-Ħadd li għadda kienet ibbażata fuq kummenti ta’ żewġ stakeholders ewlenin fil-kumpanija nazzjonali tal-ajru Maltija. Mal-kumment ta’ Mercieca, kif ukoll tal-President tal-Assoċjazzjoni tal-Bdoti tal-Air Malta, Dominic Azzopardi, l-ġurnal ILLUM ma żied anqas kelma waħda. Infakkru li n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar kwalunkwe suġġett jew kwistjoni huma ingredjenti perfetti biex tinħoloq spekulazzjoni.