Chris Fearne: Kif solvejna il-problema tal-mediċini nsolvu l-problema tas-sodod

...ifakkar fix-xogħol li għaddej fil-bini tal-Admissions Ward u ż-żieda fl-operazzjonijiet

Is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne
Is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne

Il-pazjenti fil-kurituri hija problema li kienet teżisti anke fl-Isptar San Luqa, li kibret meta saret il-migrazzjoni lejn l-Isptar Mater Dei minħabba li dan l-isptar jesa’ inqas sodod, f’pajjiż bil-popolazzjoni tiegħu qiegħda tixjieħ.
L-ILLUM tkellem mas-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne dwar ir-raġuni għal dak li l-Oppożizzjoni ddeskrivietu bħala ffullar f’Mater Dei, f’dan iż-żmien tas-sena.
Fearne qal li s-sajf huwa perjodu fejn assolutament mhix rari li jkun hemm influss akbar ta’ pazjenti. “Ma ninsewx li biss biss, bħalissa l-popolazzjoni ta’ gżiritna tkun kważi d-doppju bit-turisti,” qal Fearne.
Huwa żied jgħid ukoll li l-fatt li s-sena li għaddiet u anke din is-sena żdiedu b’mod drastiku l-ammont ta’ operazzjonijiet li qed isiru f’Mater Dei, awtomatikament iżid l-ammont ta’ pazjenti.
“Kif diġa solvejna l-problema tal-mediċini out of stock, kif qegħdin insolvu l-prblema tal-listi ta’ stennija, hekk ukoll se nkunu qegħdin naħdmu biex insolvu l-problema ta’ nuqqas ta’ sodod f’Mater Dei. Il-binja tal-Medical Admission Unit li tiela ġmielha hija xhieda ta’ dan. Ma qgħadniex b’idejna fuq żaqqna,” qal Fearne.
Huwa fakkar li l-problema ewlenija tas-sitwazzjoni tal-lum, hi li amministrazzjonijiet preċedenti bnew sptar żgħir li ma jissodisfax il-bżonnijiet tal-popolazzjoni tagħna.
“Qatt ma ħasbu għal sptar tal-ġerjatrija meta għandna popolazzjoni li kulma tmur qed tixjieħ. Qatt ma ħasbu għal sptar tar-rijabilitazzjoni, meta jafu li din hija waħda mill-kawżi ta’ ffullar f’Mater Dei. Dan il-gvern jinsab għaddej b’ħidma, flimkien mal-Vital Global Healthcare biex fis-snin li ġejjin, kemm l-isptar tar-rijabilitazzjoni kif ukoll tal-ġerjatrija jsiru realtà,” qal Fearne.
Intant L-ILLUM huwa infurmat li fl-aħħar jiem, l-iffullar f’Mater Dei naqas u meta jintużaw il-kurituri, isir dan għal waħdiet u mhux għal mijiet ta’ pazjenti

“Huwa żball li s-saħħa u l-anzjani m’għadhomx f’Ministeru wieħed”

Intant, f’kummenti ma’ dan il-ġurnal il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għas-Saħħa Claudette Buttigieg saħqet li kien żball “kbir” li l-qasam tal-anzjani u dak tas-Saħħa kienu “mifrudin” minn xulxin. Apparti dan, Buttigieg sostniet li l-Gvern għandu prijoritajiet ħżiena f’dan il-qasam hekk kif madwar 140 anzjan, li għandhom bżonn kura fit-tul, kienu qed jokkupaw sosos fl-isptar bil-konsegwenza li kienu qed jieħdu spazju li seta’ jintuża minn pazjenti oħrajn, anke jekk l-isptar Mater Dei inbena bil-għan li jkun wieħed akut, jiġifieri fejn il-pazjenti ma jinżammux għal-kura fit-tul.

Dak li qalet Buttigieg jiġi wkoll fid-dawl ta’ stqarrija mill-Partit Nazzjonalista li akkuża lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia u lis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u Persuni b’Diżabilità Justyne Caruana li “moħħhom biss biex fid-djar tal-anzjani jdaħħlu anzjani mid-disretti elettorali rispettivi tagħhom, minflok ma jimxu bi proċedura biex kulħadd jingħata l-istess ċans.” Il-PN kompla jgħid li “minkejja diversi attentati, il-Gvern qed jibqa’ jirrifjuta li jgħid min qed jiddeċiedi min jidħol f’dawn id-djar tal-anzjani”.
 

More in Politika