Hekk kif il-Gvern ħabbar li parti mill-Università Amerikana ta’ Malta (AUM) se ssir f’Bormla, proprju f’Baċir numru wieħed, is-Sindku ta’Bormla Alison Bezzina laqgħet din l-aħbar “b’idejha miftuħa.”
F’kummenti mal-ILLUM, Bezzina spjegat li flimkien mal-kunsillera, hija bħala sindku temmen li dan l-investiment se ġġib avvanzi fl-edukazzjoni, infrastruttura u anke fl-ekonomija tal-Kottonera.
Mistoqsija jekk taħsibx li l-università se taggrava l-problema tat-traffiku u parkeġġ, is-Sindku ta’ Bormla insistiet li ma temminx li l-università se taggrava l-problema. “Nemmen li minħabba l-fatt li l-università se jkollha wkoll parkeġġ, dan l-investiment mhux se jaggrava l-problema tat-traffiku fil-Kottonera.”
“Nemmen li l-maġġoranza tal-istudenti se jużaw it-trasport pubbliku u għaldaqstant mhux se jħallu effett kbir fuq l-infrastruttura ta’Bormla,” hija sostniet.
Dan is-sentiment pożittiv ġie mtenni wkoll minn bosta residenti ta’Bormla, li f’Vox Pop li sar minn din il-gazzetta nhar il-Ħadd li għadda, laqgħu l-investiment, iżda fl-istess ħin esprimew it-tħassib tagħhom dwar kwistjonijiet relatati mal-infrastruttura, parkeġġ, iffullar, u l-użu tal-binijiet storiċi.
Intant, fi stqarrija, l-Front Ħarsien ODZ qal li dak li tħabbar illum dwar il-proġett huwa titjib fuq il-proposta oriġinali, iżda minkejja dan, mhux aċċettabli li tiġi żviluppata art barra miż-żona tal-iżvilupp (ODZ).
“Minflok ma se jiġu użati 90,000 metru kwadru għall-iżvilupp tal-università fiż-Żonqor, se tintuża 18,000 medru kwadru. Il-bqija tal-università se tiġi żviluppata fil-Baċir numru wieħed f’Bormla. Dan huwa titjib mill-pjan oriġinali, iżda minkejja dan, il-Gvern seta’ għamel l-iżvilupp kollu fuq art li diġa mibnija,” l-Front qal.
Għal darb’oħra, l-Front talab lill-Gvern biex jippubblika l-ftehim ma’Sadeen u biex jagħti tagħrif dwar l-istudja tal-MEPA rigward siti alternattivi.
“Il-protesta organizzata mill-Front f’Ġunju kellha impatt enormi fuq il-pożizzjoni tal-Gvern. Il-Front Ħarsien ODZ se tkompli taħdem sabiex il-proġett kollu tal-università jsir fuq art diġa żviluppata.”