L-iżviluppaturi u l-Ambjentalisti jagħtu r-reazzjonijiet

Iż-żewġ estremi tal-ispettru jagħtu r-reazzjonijiet tagħhom dwar l-iżvilupp tal-Università Amerikana

L-Għaqda tal-iżviluppaturi (MDA) u l-Alternattiva Demokratika, kienu fost dawk li ħarġu bir-reazzjonijiet tagħhom dwar il-proġett tal-Università Amerikana f'Malta, fejn fih il-Gvern iddeċieda li l-proġett jinqasam f'żewġ postijiet, fiż-Żonqor u fil-baċir numru wieħed f'Bormla.

L-Għaqda tal-Iżviluppaturi qalu li huma jilqgħu b'sodisfazzjon il-proġett tal-Università Amerikana, waqt li jinnutaw li l-Gvern ta każ is-suġġerimenti li għamlet l-MDA meta ġibdet l-attenzjoni dwar il-fatt li kienet se tittieħed wisq art verġni u intatta (90,000m kwadru) għal dan il-proġett.

"Bid-deċiżjoni finali, kif ħabbar il-Gvern, irnexxielu jagħmel kompromess tanġibbli. Permezz tan-negozjati, irnexxielu jagħmel proposta għal użu bil-għaqal minn art u proprjetà pubblika. L-impatt ambjentali ġie minimizzat u l-proġett issa jgħin biex tiġi riġenerata proprjetà abbandunata u mitluq f’Bormla kif ukoll joħloq ċentru modern ta’ tagħlim f’Marsaskala, li se jinbena fuq art tal-gvern li ġiet allokata għall-iżvilupp apparti minn art ta’ 18,000 m2 biss li tinsab viċin," sostniet l-għaqda.

Temmew jgħidu li dan il-proġett ghandu jħalli impatt soċjali pożittiv fuq il-poplu ta' dawn l-inħawi u għalhekk ifisser li se titjieb il-kwalità tal-ħajja tas-soċjetà fin-nofsinhar ta’ Malta.

Fl-istess waqt, l-Għaqda qalet li se toqgħod attenta biex tassigura li dan il-proġett ikun wieħed ta' skop ta' università u mhux xi wieħed residenzjali.

Min-naħa l-oħra, l-Alternattiva Demokratika qalet li tikkundanna t-twebbis ta' ras ta' dan il-Gvern biex 'jgħarraq iż-Żonqor'

B'reazzjoni għat-tħabbira tal-Gvern dwar l-Università' Amerikana ta' Malta. Iċ-Chairperson ta' Alternattiva Demokratika, Arnold Cassola, qal: "Waqt li huwa pozittiv li parti mill-Campus se tkun qieghda f'Baċir nr. 1, huwa inaċċettabbli li 18,000 metru kwadru ta' art ODZ se jiġu mibnija. 

Carmel Cacopardo żied jgħid li l-għażla tas-sit f’Bormla, apparti li hi deċiżjoni pożittiva se jkun ta’ inkoraġġiment biex ikunu riabilitati ż-żoni madwar il-Baċir. "L-iżvilupp," ikkonkluda Cacopardo, "mhux biss m’huwiex aċċettabbli fil-prinċipju talli li bil-bini taż-żona residenzjali tal-Università fiż-Żonqor se jkun hemm impatti mhux mixtieqa fuq ir-residenti ta’ Marsaskala simili għal dawk li jġarrbu r-residenti tas-Swieqi mill-istudenti tal-Ingliż."

More in Politika