Il-Kap tal-Lega Nord, Matteo Salvini qal il-bieraħ li Matteo Renzi, l-prim ministru Taljan imissu jikkopja lis-Slovakkja fuq l-immigrazzjoni u jaċċetta biss Kristjani.
Dan qalu fuq Radju Padania u ġie rappurtat fuq l-Ansa.
“Sa ma nistennew u naraw kif inwaqqfu din l-organizazzjoni li qed tinvadina, Renzi jmissu tal-inqas jilqa immigranti li huma kulturalment aktar viċin tagħna. Nixtieq inkun naf x’se jgħid Galantino dwar dan li qed ngħid,” temm Salvini.
Aktar kmieni din il-ġimgħa l-Arċisqof Nunzio Galantino in-numru 2 fil-Konferenza tal-isqfijiet Taljani akkuża lil gvern Taljan li hu assenti mill-kriżi tal-Immigrazzjoni u m’għandux strateġija dwar kif jintegra l-immigranti.
Fi Slovakkja il-gvern qal li se jaċċetta biss refuġjati Sirjani Kristjani u jkunu biss 200 skont l-iskema tar-rilokazzjoni tal-UE. Il-Gvern Slovakk qal li hu m’għandux moseki fil-pajjiż fejn il-musulmani jistgħu jitolbu.