L-Arċisqof Charles J. Scicluna lbieraħ ħadha qatta’ bla ħabel kontra l-“loġika djabolika” tal-Gvern li jiddekriminalizza t-tkasbir tar-reliġjon u l-pornografija, u sostna li filwaqt li l-parlament għamel li ried, meta jasal iż-żmien, il-Knisja wkoll se tagħmel li trid.
“Jekk l-espressjoni tiegħek li tinsulenta, tweġġa’ l-qalb tagħna, tippretendix li nibqgħu b’idejna marbuta nħarsu lejn is-saqaf,” wissa Scicluna.
Kif irrapurtat fuq il-gazzetta tal-Knisja, Leħen is-Sewwa, l-Arċisqof tenna li minkejja li l-insara huma nies twajba u li ma jħobbux il-vjolenza, ma jieħdux pjaċir bil-provokazzjoni.
“M’għandniex x’nibżgħu inwasslu messaġġ ċar: il-Parlament jagħmel li jrid u aħna wkoll, meta jasal il-waqt, nagħmlu li rridu,” qal l-Arċisqof.
Huwa kien qed jesprimi d-diżapprovazzjoni tiegħu għall-proposta li tiġi dekriminalizzata t-tkasbir tal-Kristjaneżmu u ta’ reliġjonijiet oħra; liema liġijiet ilhom fil-kodiċi kriminali sa mill-1933. Bħalissa, skont il-Kodiċi Kriminali, persuna li tinstab ħatja li kasbret il-Kristjaneżmu f’Malta tista’ teħel sa massimu ta’ sitt xhur ħabs, filwaqt li oħrajn li jinstabu ħatja ta’ tkasbir ta’ reliġjonijiet oħra jistgħu jeħlu sa massimu ta’ tliet xhur ħabs. Dan it-tkasbir jista’ jseħħ permezz ta’ kliem, ġesti, kitba, jew anke stampi.
Aktar minn hekk, fil-preżent, kull min ifixkel xi servizz reliġjuz jista’ jeħel massimu sa sena ħabs.
“L-affarijiet għeżież għalina, lil Ġesù fl-Ewkaristija u lil Santa Marija ngħożżuhom u nippretendu li anke min ma jaqbilx magħna, jirrispettahom,” Scicluna.
L-Arċisqof sostna li mhux sewwa li l-emendi, li skont il-Gvern huma mmirati biex isaħħu l-libertà tal-espressjoni, m’għandhomx jiġu implimentati għax dawn jagħtu lok għall-insulti. “Esprimi ruħek kemm trid, imma l-espressjoni tiegħek tieqaf meta tibda biss tinsulentana.”
“Waqt li nirrispetta l-libertà ma nagħtikx id-dritt li tinsulenta l-affarijiet għeżież tiegħi. Kellu raġun il-Papa Franġisku jgħid: min jinsulenta lil ommi l-għażiża, xi daqqa ta’ ħarta se jistenna,” huwa qal.
L-Arċisqof Scicluna kkritika wkoll il-bidla fil-liġi dwar il-pornografija u qal li din tagħti lok għall-insult tad-dinjità tal-bniedem.
“Biex tgħaxxaqha, aħna u ngħidu li biex tesprimi ruħek tista’ tinsulenta l-affarijiet ġħeżież li huma qalb il-poplu Malti, għidna wkoll pubblikament, tista’ tinsulenta l-bniedem, il-mara u r-raġel bid-dinijità tagħhom, bil-pornografija aperta.”
“Jekk niddefendu x-xbihat tal-injam, iżjed u iżjed irridu niddefendu d-dinjità tal-bniedem ħaj, hu min hu,” temm jgħid l-Arċisqof.