Muscat u Busuttil ikomplu jitfgħu l-vleġeġ lejn xulxin...minn fuq ir-radjijiet

Muscat jgħid li Busuttil tilef ilsienu fuq l-Universita...Busuttil jitlob għal inkjesta dwar il-każ Joe Sammut

Ta' kull nhar ta' ħadd filgħodu l-poplu Malti issa dera li ż-żewġ kapijiet politiċi jagħmlu kollegament fuq ir-radju rispettiv tagħhom, One u Radio 101 u minn hemm jitfgħu erba vleġeġ lejn xulxin biex il-media elettronika toħroġhom matul il-ġurnata bil-poplu jgħaddi l-kummenti tiegħu skont kif jħares lejn iż-żewġ kapijiet.

Bħalma mistenni l-Prim Ministru li bħalissa għaddej minn ewforija tad-deċiżjoni li ntlaqgħet tajjeb mill-maġġoranza Maltija dwar l-Universita Amerikana f'Bormla qal li Simon Busuttil "issa għax in-nies huma favur dak li ġie deċiż, dan  tilef ilsienu. Jekk ma tiħux deċiżjonijiet, mhux se jkollok riżultati bħal dawk ta' Fitch. Qed nieħdu deċiżjonijiet imma m'aħniex suppervi. Aħna sibna karus vojt u qed nimlewh. Dan hu xogħlna u qed nagħmluh.  Din bħal proġett tal-università, tara l-gazzetti ta' llum u bilkemm tissemma u din turi li kulħadd qed jaqbel u li mhemmx kontroversja. Ma nafux x'inhi l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni. Din il-ġimgħa l-Oppożizzjoni ħarġet tikkritika lill-NL – Nisa Laburisti minħabba 10 proposti dwar l-IVF, iżda dan mingħajr ma qalu xi pproponew. Dik id-differenza, bejn min jieħu r-riskji u min jikkritika biss. Ħaddieħor sempliċiment jikkritika mingħajr ma jipproponi xejn", stqarr il-Mexxej Laburista.

Fl-Aħħarnett il-Prim Ministru għamel referenza għall-storja fil-ġurnali, fejn Francis Zammit Dimech flimkien ma’ membri oħra f’Bord, ser jiġu akkużati bi qtil involontarju  ta’ ħaddiem barrani. "Għal ħabta b’karozza Simon Busuttil ried lil Owen Bonnici jirrizenja, la għandu standards daqshekk għolja, ifisser li ser jitlob lil Francis Zammit Dimech jirreżenja wkoll?" staqsa Dr Muscat.

 

Min-naħa l-oħra Simon Busuttil fuq ir-radju tal-partit tal-PN qal li dan kien Sajf sħun ħafna minħabba l-iskandli u Muscat bħal dejjem qed jiżvija l-attenzjoni pubblika biex jaħbi l-iskandli. Hu semma l-każ ta' Joiseph Sammut li hu każ serju u li żgur ma kienx qed jaħdem waħdu u li hemm involuti 'network' sħiħ fis-servizz pubbliku li kienu jgħinuh joħroġ il-visas lill-eluf ta' applikanti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-agħar ħaġa fl-iskandlu ta’ Joe Sammut, mhix li l-eks Teżorier tal-Partit Laburista tressaq il-Qorti, iżda li dak li kien qed jagħmel, ma setax jagħmlu waħdu. “Biex seta’ għamel dan kollu, bilfors li kellu nies fl-istituzzjonijiet pubbliċi jgħinuh. Din hija xibka ta’ korruzzjoni, korruzzjoni istituzzjonalizzata,” qal Simon Busuttil. Hu spjega li korruzzjoni istituzzjonalizzata hija korruzzjoni bil-barka tal-awtoritajiet.

Dwar l-aspett ta’ sigurta’ li joħroġ minn dan l-iskandlu, Simon Busuttil insista li l-Prim Ministru għandu:

-      isejjaħ minnufih laqgħa tal-Kumitat tas-Sigurta’ biex jispjega kif ħarġu dawn il-visas u permessi għar-residenza

-      jirtira minnufih il-visas u l-permessi għar-residenza li ngħataw lil dawn l-individwi

-      jagħmel inkjesta biex jiġi determinat kif ġraw l-affarijiet u min hemm involut

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li s-sistema hija mnawwra u li hemm aspett qawwi ta’ sigurta’.

More in Politika