F’intervista ma’ dan il-ġurnal iċ-Chief Commercial Officer tal-Air Malta Joseph Galea ikkonferma l-previżjonijiet li kienu saru s-sena l-oħra, jiġifieri li fis-sena finanzjarja li għalqet f’Marzu 2015 il-linja nazzjonali tal-ajru rreġistrat telf ta’ madwar €16-il miljun. Dan it-telf huwa identiku għal dak li kien rreġistrat fis-sena finanzjarja ta’ qabel u jiġi seba’ xhur qabel jintemm iż-żmien li fih l-Air Malta trid tagħmel profitt jew iġġib it-telf li qed tagħmel fix-xejn. Galea spjega t-triq li għad fadal bħala waħda “diffiċli u kiefra”
Fl-intervista, li qed tidher fil-ġurnal ILLUM, Galea jiddeskrivi it-telf previst ta’ madwar €16-il miljun bħala “ostaklu” u jżid jgħid li għalhekk din is-sena, speċjalment is-Sajf se jkun kruċjali għas-salvazzjoni tal-linja tal-ajru. “Importanti li meta naslu fi tmiem il-pjan ta’ ristrutturar, il-kumpanija tkun b’saħħitha biżżejjed biex tfendi għal rasha” sostna Galea li ma naqasx milli jgħid illi jekk sa’ Marzu tal-2016 l-Air Malta ma twaqqafx it-telf “tkun xi ħaġa diżastruża”.
Ma’ dan il-ġurnal Galea jgħid illi l-management tal-kumpanija mhux qed ikun informat dwar in-negozjati tal-Gvern biex isib sieħeb strateġiku u żied jgħid illi “mhux fl-interess tal-management li jkun jaf b’dan”. Huwa jfakkar kif id-deċiżjonijiet f’dan il-qasam huma “prerogattiva tal-Gvern ... ma naħsibx li għandu jinfurmana”.
Din l-intervista tiġi wara li l-Ħadd li għadda dan il-ġurnal ippublika storja bil-kummenti tal-President tal-Unjin tal-Cabin Crew Noel Mercieca illi sostna li fl-aħħar komunikat li kellu mal-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis dan kien infurmahom illi ma kien għad hemm l-ebda sieħeb strateġiku li kien interessat fl-Air Malta. Minn naħa tiegħu l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Bdoti Domnic Azzopardi sostna illi la hu u lanqas l-Assoċjazzjoni ma kienu infurmati.
Fi stqarrija b’reazzjoni l-Ministeru tat-Turiżmu kien qal illi bħalissa l-Air Malta tinsab fi stadju delikat ħafna tal-proċess ta’ ristrutturar u għalhekk il-Gvern ma jixtieqx illi jidħol f’spekulazzjoni żejda dwar il-linja Nazzjonali tal-Ajru.
Aqra l-intervista sħiħa fil-ħarġa tal-ILLUM