In-numru ta’ gabbani f’Kemmuna jibqa’ jikber bil-mod il-mod

Minkejja oppożizzjoni kontra l-kummerċjalizzazzjoni ta' Kemmuna, in-numru ta' gabbani li joperaw hemmhekk baqa' jikber sena b'sena

Il-gabbani f’Kemmuna jibqgħu jiżdiedu sena wara sena 
Il-gabbani f’Kemmuna jibqgħu jiżdiedu sena wara sena 

Minkejja oppożizzjoni minn għaqdiet ċivili kontra l-kummerċjalizzazzjoni ta’ Kemmuna, partikolarment tal-Bajja Bejn il-Kmiemen, li l-isem popolari tagħha llum il-ġurnata sar Blue Lagoon, in-numru ta’ gabbani li joperaw f’dik iż-żona baqa’ jikber bil-mod tul is-snin. 

Dal-fatt joħroġ minn mistoqsija parlamentari magħmula mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg. 

Fil-mistoqsija, Said talab lill-Ministru “jgħid kemm kien hemm gabbani ġewwa Kemmuna f’dawn l-aħħar 15-il sena” iżda Borg stqarr li mhuwiex possibbli jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha. 

Dan għaliex, fi kliem Borg, “l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) bdiet l-involviment tagħha fil-kontroll tal-gabbani ġewwa Kemmuna, speċifikament fiż-żoni ta’ Blue Lagoon u ta’ Santa Marija fl-2015. Fil-fatt informazzjoni fuq gabbani qabel din is-sena, mhijiex disponibbli.” 

Fit-tweġiba tiegħu, id-Deputat Prim Ministru ta informazzjoni mill-2015 sal-2024. Minn dil-informazzjoni jidher illi n-numru ta’ gabbani li joperaw f’Bejn il-Kmiemen baqa’ jikber sena b’sena. 

Fil-fatt, meta l-MTA bdiet tieħu ħsieb il-permessi tal-gabbani kien hemm sitt gabbani diġà. Dawn mill-ewwel żdiedu b’wieħed fis-sena ta’ wara, jiġifieri fl-2016, fejn b’kollox kien hemm seba’. 

In-numru ta’ gabbani baqa’ l-istess sakemm reġgħu żdiedu b’wieħed fl-2019 biex b’kollox ikun hemm tmien gabbani. 

Dan-numru baqa’ l-istess sal-2024 fejn reġa’ żdied b’wieħed biex ikun hemm total ta’ disa’ gabbani. 

Santa Marija tispiċċa mingħajr gabbani

Iżda mill-informazzjoni joħroġ ukoll li l-Bajja ta’ Santa Marija spiċċat mingħajr gabbani. 

Meta bdiet toħroġ il-permessi l-MTA, jidher illi ma kien hemm l-ebda gabbana topera f’Santa Marija. Imma sena wara ħareġ il-permess għal gabbana waħda. 

Jidher illi l-bajja baqgħet b’gabbana waħda sal-2023, fejn, skont it-tweġiba tal-Ministru, ma baqa’ l-ebda gabbana topera. 

More in Politika