Il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea tiddeċiedi kontra l-programm taċ-ċittadinanza ta' Malta

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkundannat lill-Gvern Malti għall-'kummerċjalizzazzjoni tal-għoti tan-nazzjonalità' • L-eks Prim Ministru Joseph Muscat jgħid li din hija 'sentenza politika'

Il-programm taċ-ċittadinanza b'investiment, magħrufa bħala
Il-programm taċ-ċittadinanza b'investiment, magħrufa bħala "l-iskema tal-passaporti tad-deheb", ilu kontroversjali għax huwa l-ekwivalenti tal-bejgħ taċ-ċittadinanza, kemm Maltija kif ukoll Ewropea

F’deċiżjoni storika, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (UE) ddeċidiet li l-iskema taċ-ċittadinanza b'investiment, li ġiet adottata f’Malta fl-2014 u emendata fl-2020, tmur kontra l-liġi Ewropea.

Il-Qorti qalet li din l-iskema, magħrufa bħala “Maltese Citizenship by Naturalisation for Exceptional Services by Direct Investment", tirrappreżenta forma ta’ "kummerċjalizzazzjoni tal-għoti tan-nazzjonalità ta' Stat Membru u, b'estensjoni t'hekk, taċ-ċittadinanza tal-Unjoni"—xi ħaġa li l-liġijiet tal-UE ma jistgħux jippermettu.

X'inhi l-problema bl-iskema ta’ Malta?

Skont ir-regoli li ġew introdotti fl-2020, ċittadini barranin jistgħu jiksbu ċittadinanza Maltija (u b’hekk dik tal-UE) jekk ikunu investew somom sostanzjali fil-pajjiż—minkejja li ma jkollhomx rabta ġenwina mal-komunità jew is-soċjetà Maltija.

Il-Kummissjoni Ewropea sostniet li din l-iskema kisret il-prinċipju ta’ koperazzjoni sinċiera bejn l-Istati Membri, li fuqu hija bbażata ċ-ċittadinanza Ewropea.

Skont il-Qorti, li tagħti ċ-ċittadinanza f’skambju ta’ ħlasijiet jew investimenti predefiniti tfisser li l-proċess isir tranżazzjoni kummerċjali—xi ħaġa li tnaqqas mir-rabta ta’ solidarjetà u fiduċja bejn iċ-ċittadin u l-Istat.

X'jiġri issa?

Malta trid timxi mas-sentenza tal-Qorti mingħajr dewmien. Jekk il-pajjiż jonqos milli jikkonforma, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tieħu passi ulterjuri inkluż azzjonijiet legali oħra li jistgħu jwasslu għal multi.

Reazzjonijiet

Joseph Muscat: "Din kienet sentenza politika"

Joseph Muscat, l-eks Prim Ministru ta' Malta, reġa’ ddefenda l-programm taċ-ċittadinanza b'investiment ta’ Malta wara d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li ddeċidiet kontra l-iskema.



Huwa qal li din kienet waħda mill-ftit drabi fejn il-Qorti qalbet kontra l-parir tal-Avukat Ġenerali, li kien ta raġun lil Malta. Skontu, is-sentenza kienet politika u mhux legali, u bbażata fuq il-fatt li l-iskema Maltija kienet trasparenti, b’differenza minn programmi oħra f’pajjiżi barranin.

Muscat żied li l-programm jista’ jibqa’ għaddej b’xi tibdil, u semma kif l-Istati Uniti ħabbret programm simili.

Attakka wkoll lill-Oppożizzjoni u lil Roberta Metsola, li skontu ħadmu kontra l-programm li ġab ħafna fondi lill-pajjiż fi żminijiet diffiċli bħall-pandemija, u temm jgħid li l-programm ġab ġid soċjali u ekonomiku u għandu jitkompla b’determinazzjoni.

Roberta Metsola: "Malta ħaqqha aħjar"

Roberta Metsola, il-President tal-Parlament Ewropew, laqgħet is-sentenza tal-Qorti u qalet li l-Qorti stabbiliet dak li ilu magħruf: li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea ma tistax tiġi miksuba b’transazzjoni kummerċjali.



Metsola sostniet li għal dawn l-aħħar snin kien hemm bosta twissijiet li l-bejgħ tal-passaporti Maltin lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi mingħajr rabta ġenwina mal-pajjiż kien qed jikser il-liġi Ewropea, u ddeskriviet il-programm bħala skema irresponsabbli kemm legalment u kemm ekonomikament.

Skont Metsola, din l-iskema ħarbtet l-istrateġija ekonomika tal-pajjiż, għamlet ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta, u ħalliet toqob kbar fis-sigurtà nazzjonali u dik tal-Unjoni Ewropea. Qalet li kienet politika ta’ viżjoni qasira, u li llum il-Gvern jinsab bla ideat u qed jerġa’ joqgħod iwaħħal f'“għedewwa inviżibbli” minflok jagħraf l-iżbalji tiegħu.

Metsola temmet tgħid li Malta jixirqilha tmexxija serja, b’viżjoni ekonomika fit-tul, li toħloq impjiegi ġodda, setturi sostenibbli, u tama għaż-żgħażagħ u n-negozji. Hija sejħet għal diskussjoni responsabbli u matura, 'il bogħod mill-politika partiġġjana, diskussjoni li kellha ssir 12-il sena ilu.

“Mod ġdid kif nagħmlu l-politka huwa possibbli,” temmet il-President tal-Parlament Ewropew.

Robert Abela: "Illum qed jogħrku idejhom u jiftaħru li pperikolaw dan il-ġid kollu"

Il-Prim Ministru Robert Abela wkoll esprima l-pożizzjoni tiegħu dwar is-sentenza, u sostna li l-qafas leġiżlattiv taċ-ċittadinanza b’investiment inħoloq sabiex il-poplu Malti u Għawdxi jgawdi minnu.



Fakkar li pajjiżna ġab kważi biljun ewro u nofs permezz tal-programm, fondi li ntużaw f’mumenti kruċjali bħall-pandemija biex jiġu salvati impjiegi, negozji żgħar u medji, u biex tingħata l-għajnuna lil min hu vulnerabbli u lil għaqdiet volontarji. Qal li kien hemm min xewwex kontra dan il-programm biex jikseb kariga, u li llum dawn l-istess persuni qed jiftaħru li pperikolaw dan il-ġid kollu.

Abela saħaq li l-Gvern tiegħu se jkompli jaħdem favur l-interess tan-nies billi, filwaqt li jirrispetta d-deċiżjoni tal-Qorti, se jfassal qafas ġdid li jkun konformi mas-sentenza sabiex il-ġid iġġenerat ikompli jgawdi minnu l-poplu Malti.

Momentum: "Iċ-ċittadinanza Maltija għandha tirrifletti konnessjoni ġenwina... mhux sempliċiment tranżazzjoni"

Il-partit Momentum esprima l-oppożizzjoni soda tiegħu kontra l-bejgħ taċ-ċittadinanza, u sostna li din għandha tingħata biss abbażi ta’ integrazzjoni u kontribut sinifikanti.

Il-partit jappoġġja ċittadinanza għal dawk li juru lealtà u ħidma, bħal sportivi, riċerkaturi u tfal li jlestu l-edukazzjoni f’Malta.

Momentum jaċċetta programmi tal-"viżi tad-deheb" għal residenza biss, mhux ċittadinanza, u jqis li ċ-ċittadinanza għandha tirrifletti konnessjoni ġenwina u mhux mixtriha bil-flus.

Transparency International u The Daphne Caruana Galizia Foundation: "Abolixxi l-programm taċ-ċittadinanza b'investiment mingħajr tlaqliq"

Transparency International u The Daphne Caruana Galizia Foundation laqgħu s-sentenza tal-Qorti Ewropea bħala waħda storika u qalu li Malta ma tistax tibqa’ tbigħ iċ-ċittadinanza tagħha.  Skont dawn l-għaqdiet, l-iskema kienet toffri kenn lill-kriminali u nies korrotti biex jiksbu aċċess għall-UE.

Matthew Caruana Galizia saħaq li l-programm ma ġabx benefiċċji sinifikanti lil Malta u li l-Qorti għamlet ġustizzja għall-poplu Malti u l-UE. Transparency International sejħet għat-tmiem ta’ dawn il-politiki u għall-abolizzjoni immedjata tal-programm ta’ Malta.

Il-Partit Nazzjonalista: "Iċ-ċittadinanza hi aktar minn status legali bi prezz"

Il-Partit Nazzjonalista esprima sodisfazzjon li l-Qorti Ewropea kkonfermat li l-Programm taċ-Ċittadinanza ma kienx konformi mal-liġi Ewropea.

Skont il-PN, iċ-ċittadinanza hi rabta ta’ lealtà u responsabbiltà, mhux kummerċ. Huma appellaw biex il-programm jitwaqqaf minnufih, biex il-liġijiet Maltin jiġu emendati biex jirrispettaw is-sentenza, u biex il-Gvern jirrikonoxxi li kien żbaljat. Il-PN sostna li ċ-ċittadinanza għandha tingħata lil dawk li għandhom rabta ċara u leali ma’ Malta, flimkien ma’ investiment fit-tul f’setturi ta’ prijorità.

Repubblika: "Din id-deċiżjoni tal-Qorti mhix telfa għal Malta. Hi telfa għall-gvern"

Repubblika wkoll laqgħet is-sentenza u qalet li l-bejgħ taċ-ċittadinanza kien dejjem ħażin u illegali. Skontha, l-iskema għamlet lil Malta tidher bħallikieku tagħti valur lill-flus aktar milli lill-valuri demokratiċi.



Huma stqarrew li d-deċiżjoni mhix telfa għal Malta imma għall-gvern li introduċa l-iskema, u talbu mhux biss biex l-iskema tieqaf minnufih, imma wkoll biex jiġu riveduti l-każijiet kollha ta’ ċittadinanza mogħtija taħtha.

Għal dawk li qatt ma rritornaw Malta minn meta ħadu l-passaport, Repubblika titlob li titneħħielhom iċ-ċittadinanza. Fl-istess waqt, sostnew li kull min twieled Malta għandu jitqies bħala ċittadin tagħha.

Fl-aħħar, sejħu għal ukoll għal tibdil fil-Kostituzzjoni ta' Malta biex tiġi stabbilita ċar it-tifsira ta’ ċittadinanza.

Il-Gvern: "Il-Gvern se jibqa’ kommess li jkompli jattira l-aqwa investiment"

Il-Gvern ta’ Malta, fi stqarrija uffiċjali, qal li ser jirrispetta d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea u li bħalissa qed jistudja fid-dettall l-effett legali tagħha biex jiżgura li l-qafas leġiżlattiv ikun konformi.

Il-Gvern fakkar li sa minn Ottubru 2020 kien qed jiddefendi l-programm, fid-dawl tal-kompetenza nazzjonali dwar iċ-ċittadinanza, kif ukoll għax l-Avukat Ġenerali kien irrakkomanda li m'hemmx każ kontra Malta. Madanakollu, il-Qorti għażlet li tmur lil hinn mir-rakkomandazzjoni u ddeċidiet mod ieħor.

Il-Gvern tenna li d-deċiżjonijiet u l-passaporti mogħtija jibqgħu validi, u esprima kburija bil-ġid li ġab dan il-programm – €1.4 biljun f’dħul, skontu – li uża għal proġetti soċjali, akkomodazzjoni, saħħa, edukazzjoni u għaqdiet karitattivi.

Il-Gvern ikkonkluda li se jibqa’ jaħdem biex jattira investiment ta’ kwalità għall-poplu Malti u Għawdxi.

More in Politika