Jidher illi m’hemmx xi tip ta’ ġabra ta’ informazzjoni uffiċjali li tiġbor kemm hawn tower cranes qed joperaw f’Malta.
Meta l-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ġie mistoqsi mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Darren Carabott dwar “kemm hawn tower cranes preżentement f’Malta”, Attard żvela li m’hawnx sistema fejn dil-informazzjoni tinġabar.
“L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol tinsab fil-proċess sabiex tiġbor din l-informazzjoni u toħloq database ad-hoc kif ukoll qed tesplora kull possibbiltà biex tinġabar u żżomm din id-data,” wieġeb il-Ministru.
Skont il-Ministru, l-imsemmija awtorità ma kinitx qed iżżomm kont ta’ kemm hawn krejnijiet joperaw f’Malta iżda minflok kull meta uffiċjal tal-istess awtorità jiltaqa’ ma’ tower crane, dan jitlob għaċ-ċertifikat li jkun inħareġ minn persuna kompetenti għall-operazzjoni tal-krejn.
Barra minn hekk, Attard ukoll żvela li minkejja kien hemm liġi ġdida approvata mill-Parlament is-sena l-oħra, l-obbligi ta’ dil-liġi għadhom ma daħlux fis-seħħ. Fil-fatt, il-Ministru qal, “anke bl-introduzzjoni t’obbligi ġodda abbażi tal-liġi l-ġdida approvata mill-Parlament is-sena li għaddiet.”