Muscat beda jiġbor ġieħu mal-ambjentalisti
Din tfisser li qabad triq favur l-ambjent? Aqraw kif jaħsbuha l-opinjonisti
minn John Busuttil
Bid-deċiżjoni li jnaqqas l-art barra ż-żona ta’ żvilupp (ODZ) fiż-Żonqor għall-bini tal-Universita’ Amerikana ta’ Malta, il-Prim Ministru Joseph Muscat jidher li beda jiġbor ġieħu mas-sezzjoni ta’ votanti ambjentalisti li sal-bieraħ kienu l-akbar settur b’oppożizzjoni ħarxa kontrih u l-uniku settur ta’ nies li ħarġu jipprotestaw bil-massa fit-toroq, f’dawn l-aħħar sentejn u nofs.
Iżda dawn il-bidliet x’ifissru? Huma l-ewwel pass biex il-Gvern joffri l-id ta’ ħbiberija lil dawk li jgħożżu l-ambjent naturali ta’ madwarna u li huma rrabjati bil-Gvern? Il-fatt li l-ewwell-Gvern ħabbar li se jkun qed jiżviluppa medda ta’ art kbira fl-ODZ għall-Università, u issa reġa ħeles 80% tal-art mill-iżvilupp, intlaqgħet b’mod pożittiv ħafna, anke jekk xorta se tintuża biċċa art li hija barra miż-żona ta’ żvilupp. Rapport li kien sar taħt amministrazzjoni preċedenti juri kif din l-art fil-ponta taż-Żonqor m’għandha l-ebda valur ekoloġiku partikolari.
Bil-bidliet li seħħew jista’ jkun li Joseph Muscat wera li hu kapaċi jurik id tal-ħadid, u fl-istess waqt, jaħbi wara daharu l-id l-oħra li tkun imlibbsa ingawanta tal-ħarir. Jista jkun ukoll iżda li d-deċiżjoni kienet frott ta protesti mill-ambjentalisti, speċjalment dik li saret il-Belt f’Ġunju li offriet lil Muscat l-ewwel sfida tal-massa u l-ewwel protesta popolari ta’ suċċess minn meta kien elett Gvern Laburista. Forsi Muscat iddeċieda li jibda jfejjaq il-feriti u jibda t-triq ta’ rikonċiljazzjoni fil-qasam ambjentali u ma eluf ta’ votanti “ħodor” li kienu aljenati bil-kbir bl-aħħar deċiżjonijiet ta’ Gvern Laburista. Bid-deċiżjoni ta’ din il-ġimgħa Joseph Muscat seta’ wkoll beda jagħlaq l-uniku nixxiegħa li kienet qed isservi ta’ għajn ta’ ħajja u tama elettorali lill-Partit Nazzjonalista.
L-ILLUM staqsa numru ta’ opinjonisti x’jaħsbu. Dan huwa bidu ġdid u onest għall-Gvern ta’ Muscat fil-qasam ambjentali jew xi ħaġa ta’ darba sforz il-pressjoni tal-elettorat?
Muscat ‘benġilha’ mal-'ambjentalisti' – Frank Psaila
Bid-deċiżjoni li ma jiħux l-art kollha li ried għall-ewwel darba fiż-Żonqor, il-Prim Ministru Joseph Muscat 'benġilha' xi ftit mal-‘ambjentalisti’ li bir-raġun, ħarġu qatta bla ħabel kontra l-ewwel deċiżjoni tal-Gvern. Ma tagħtihomx tort. L-art agrikola f’pajjiżna ġibniha kważi fix-xejn u l-ftit li fadal, inkunu boloh jekk neqirduha wkoll.
Wara ħafna pressjoni mill-Front Ħarsien ODZ, Membri Parlamentari tiegħu stess, il-media indipendenti, il-Knisja u anke l-Oppożizzjoni, Muscat għamel pass lura u issa se jagħti inqas art lil dawn l-investituri mill-Ġordan għal dik li qed tissejjaħ ‘Università Amerikana’. Qabel ma jiġi pubblikat il-ftehim li sar mal-Ġordaniżi, ftit jista’ wieħed jitkellem dwar is-siwi jew le ta’ dan il-proġett.
Tal-Front Ħarsien ODZ qalu li tagħhom kienet ‘rebħa parzjali’. Naturalment, xtaqu li ma tittieħed ebda art ODZ għal dan il-proġett, u naħseb li dan faċilment seta’ jsir ġaladarba l-Ġvern kien kapaċi jidentifika art fil-Kottonera għal parti minn dan il-proġett. F’kelma waħda, ż-Żonqor seta’ jitħalla bil-kwiet.
Jekk din id-deċiżjoni kinitx l-ewwel attentat tal-Prim Ministru Muscat li jerġa’ jiġbor ġieħ il-Ġvern tiegħu mal-'ambjentalisti', wieħed għad irid jara. Imma li hu żgur huwa illi l-fatt li għamel pass lura jagħti aktar riħ lil kawża ta’ min f’pajjiżna jħobb u lest joħroġ għonqu għall-ambjent. Issa jafu li jekk jagħmlu pressjoni, kif għamlu, il-Gvern lanqas jekk irid mhu se jkun jista' jinjorahom.
U filwaqt li ilna xhur sħaħ niddiskutu dan il-proġett, il-partiti politiċi, l-għaqdiet mhux governattivi u s-soċjetà ċivili qatt ma sabu ħin biex ipoġġu madwar mejda u flimkien ifasslu strateġija dwar l-użu tal-art f'pajjiżna. Opportunità oħra mitlufa a skapitu tal-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta' għada"
Il-fatt li laħaq kompromess ma’ dawk li waqqfulu hu sinjal tajjeb – Ramona Frendo
Din l-esperjenza wriet li dal-Gvern lest li jisma’ anke lill-aktar settur li ħoloqlu oppożizzjoni qawwija. Għax l-ambjentalisti qatt ma setgħu joħorġu aktar b’saħħithom milli ħarġu fuq din il-kwistjoni. Il-Gvern wera wkoll li anke jekk għandu maġġoranza qawwija, xorta għażel it-triq tal-kompromess u mhux irrombla fuq kulħadd. Kompromess li niżel tajjeb mal-media u l-ambjentalisti. Din hi forma ta’ tmexxija li tilqa’ l-kritika anke jekk biex għamel dan, ix-xogħol mar lura b’madwar 5 xhur. Il-fatt li ma ddejjaqx jilħaq kompromess ma’ dawk li waqqfulu bis-saħħa jawgura tajjeb għal gvern li jrid jaħdem favur l-ambjent. Għalkemm ma tistax taqta’ linja li l-ODZ mhu se tintmess qatt speċjalment fuq proġetti utli għall-pajjiż. Iżda hu sinjal tajjeb għall-futur fejn jidħol l-ambjent.
Il-Gvern iċċaqlaq...għax sab l-iebes – Carmel Cacopardo
Il-mod kif il-Gvern ħa d-deċiżjoni dwar l-Università Amerikana juri biċ-ċar li m’għandux idea tal-obbligi ambjentali tiegħu. Għax kieku kellu l-iċken idea, kien jimxi b’mod differenti. Il-konsultazzjoni neċessarja kien jagħmilha qabel ma jiddeċiedi u mhux wara li għaffiġha.
Id-deċiżjoni oriġinali kienet ħażina. Bid-deċiżjoni riveduta li tħabbretdin il-ġimgħa, il-Gvern ġabar ftit ġieħu. Ir-reviżjoni saret biss u esklussivament minħabba li s-soċjetà ċivili fetħet ħalqha.
Mhuwiex possibli li tikkonkludi minn każ wieħed jekk dan ifissirx li l-Gvern immexxi minn Joseph Muscat huwiex ser jibda jagħti każ ta’ x’jaħseb il-lobby ambjentali. Dan inkunu nistgħu nikkonkluduh wara li jkollna xi żewġ każijiet oħra. Irridu naraw per eżempju dwar kemm il-Gvern ser jagħti każ tal-proposti tal-lobby ambjentali dwar il-liġijiet preżentement pendenti quddiem il-Parlament. Irridu wkoll naraw xi proposti ser isiru meta fix-xhur li ġejjin ikunu ppubblikati l-abbozzi ta’ pjani lokali. Jiena naħseb li l-Gvern kontinwament ser jipprova jevita l-obbligi ambjentali tiegħu. Jekk isib resistenza, jaġġusta l-pożizzjoni tiegħu skont ir-resistenza li jsib. Għalhekk hu importanti li s-soċjetà ċivili tibqa’ viġilanti għax ser niffaċċjaw battalja wara l-oħra. Min jaqta’ nifsu l-ewwel, jitlef.
Il-politika tagħmel sens meta titfassal mill-poplu u mal-poplu – Andrew Azzopardi
Naħseb l-għażla tal-Gvern li jaqsam is-sit tal-Univeristà Amerikana f’Malta f’żewġ lokalitajiet kienet deċiżjoni f’waqtha għal ħafna raġunijiet, fosthom li b’dan il-mod aktar minn lokalità waħda fin-nofsinhar ta’ Malta ħa tkun qed tibbenifika minn din ir-riġenerazzjoni.
Però naħseb li element li huwa ta’ min wieħed jagħmel aċċenn fuqu huwa li l-Gvern sema’ dak li talbet is-soċjetà ċivili, iċ-ċittadini, l-ambjentalisti u dawk kollha li għamlu pressjoni biex isir l-inqas żvilupp possibbli f’żoni fejn l-iżvilupp għandu jigi evitat.
Din kienet rebħa għal Malta għax il-proġett ħa jsir u se jħalli flus fil-kaxxa ta’ Malta. Kienet rebħa għall-koalizzjoni ta’ nies li nġabru flimkien u evitaw li tinfetaħ ġerħa oħra f’żona fejn ma jixirqilhiex li tintradam mill-konkos u fost kollox, rebħa għall-klassi politika li fehmet u qed tifhem li l-politika ma ssirx minn fuq għal isfel imma għandha tkun xprunata mill-għażliet, xewqat u aspirazzjonijiet tal-Poplu.
Il-politika tagħmel sens meta titfassal mill-poplu u mal-poplu.