[Aġġornata] Sospiżi r-rotot l-ġodda tat-trasport pubbliku, l-PN iweħħel fl-‘inkompetenza’ ta’ Joe Mizzi

Rotot ġodda u skeda tax-xogħol tax-xufiera li kellhom jidħlu fis-seħħ għada sospiżi mill-Malta Public Transport

Ir-rotot il-ġodda tat-trasport pubbliku li kellhom jibdew jaħdmu minn għada ġew sospiżi hekk kif għadhom għadejjin diskussjonijiet bejn il-Malta Public Transport u l-General Workers’ Union (GWU).

Il-Malta Public Transport qalet li r-rotot il-ġodda u l-iskeda tax-xogħol tax-xufiera mhux se jidħlu fis-seħħ għada kif kien ippjanat. Il-kumpanija qalet ukoll li minkejja dan mhux mistenni jaffetwa s-servizz, ir-rotot il-ġodda jidħlu biss sakemm jinstab qbil bejn il-Unjin u l-kumpanija.

F’reazzjoni, l-Partit Nazzjonalista qal li dan il-każ reġa wera l-“inkompetenza” tal-ministru tat-trasport Joe Mizzi. L-Oppożizzjoni tennet li  r-riforma tant mistennija ta’ Joe Mizzi ma waslitx għal titjib fis-servizz.

“Issa jirriżulta li d-deċiżjonijiet ta’ Joe Mizzi mhux biss qed iħallu impatt negattiv fuq il-passiġġieri, iżda issa anke l-ħaddiema jidher li spiċċaw vittma tal-inkompetenza ta’ Joe Mizzi,” l-PN qal.

“Ma’ dan il-Gvern, it-toroq ta’ pajjiżna saru martirju : jew teħel fit-traffiku, inkella ma tinqediex bit-trasport pubbliku.”

More in Politika