Il-PN jappella lil gvern biex il-kontijiet tad-dawl jorħsu bi 30%
Il-Partit Laburista jwieġeb li Simon Busuttil għandu jiddeċiedi x’verament jemmen

More in Politika
Il-Partit Laburista jwieġeb li Simon Busuttil għandu jiddeċiedi x’verament jemmen
Il-Partit Nazzjonalista qed jingħaqad mal-GRTU fis-sejħa biex il-kontijiet tad-dawl jorħsu bi 30%, u dan fid-dawl tar-roħs drastiku fil-prezz internazzjonali taż-żejt, li minn $120 dollaru-il barmil fi żmien il-Gvern preċedenti, issa niżel għal madwar $40 dollaru-il barmil. “B’dan il-mod, l-Oppożizzjoni qed turi li mhux qed tistenna li tkun fil-Gvern biex tagħmel il-proposti, iżda issa qed tagħmel il-pressjoni fuq il-Gvern biex l-affarijiet isiru aħjar,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, waqt intervista fuq Radio 101 dalgħodu.
Hawnhekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żied jgħid li anke l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel għandhom jorħsu b’tali mod li jirriflettu l-prezz internazzjonali taż-żejt li raħas għal terz ta’ dak li kien fi żmien il-Gvern preċedenti. Simon Busuttil sostna li l-prezz tal-fuels huwa problema waħda minn erba’ li għandu l-poplu Malti u Għawdxi f’dak li għandu x’jaqsam mat-toroq ta’ pajjiżna. “Minbarra l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, hemm is-sitwazzjoni diżastruża tat-toroq f’pajjiżna, t-traffiku ma jispiċċa qatt kif ukoll it-trasport pubbliku,” qal Simon Busuttil.
Sadattant il-Partit laburista ħareġ stqarrija tgħid li Simon Busuttil qabel l-elezzjoni kien jgħid li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma ma setgħux jorħsu, u li kienet Alice in Wonderland. Sal-ġimgħa l-oħra l-Kap tal-Oppożizzjoni kien qed jgħid li dawn il-kontijiet raħsu bis-saħħa tiegħu. Issa qam jgħid li ta’ min jorħsu aktar. Ikun aħjar għal Simon Busuttil li minflok jibqa’ jkun negattiv, jiddeċiedi x’verament jemmen, kif irid jiddeċiedi dwar id-differenza bejn Korea ta’ Fuq u Korea ta’ Isfel. Il-Gvern immexxi minn Joseph Muscat se jkompli jaħdem bi pjan kredibbli dwar enerġija li permezz tagħhom il-familji u n-negozji qed igawdu minn kontijiet tad-dawl u tal-ilma, u prezzijiet tal-petrol, diesel u gass dejjem irħas, temmet tgħid l-istqarrija tal-PL.