Baċir Numru 1: 20 sena mwiegħed mill-PN

Ix-xahar li għadda l-Gvern ħabbar li l-Baċir Numru wieħed se jkun qiegħed jilqa’ fih parti mill-American University of Malta

Gvernijiet Nazzjonalisti differenti tul is-snin kienu wegħdu diversi proġetti u inizjattivi biex jiġi żviluppat Baċir Numru wieħed. Wegħdi li kienu anke inklużi fil-manifesti elettorali li preżentaw għall-elezzjonijiet ġenerali. Sena wara oħra u leġislatura wara oħra, iżda l-proġetti għall-baċir baqgħu ma mmaterjalizzawx ruħhom.

L-ewwel darba li ġie mwiegħed proġett għall-Baċir Numru wieħed kien lura fl-1993. Eddie Fenech Adami, dak iż-żmien Prim Ministru, f’laqgħa li kellu mal-Kunsill Lokali ta’ Bormla kien qal li flok il-baċir kienet se tiġi żviluppata yacht marina u żona ta’ rikreazzjoni. Tliet snin wara, lejliet l-elezzjoni ġenerali tal-1996 il-Partit Nazzjonalista kien bagħat pubblikazzjoni fid-djar tal-familji li jgħixu fil-Kottonera u fiha intqal lilhom li l-pjan kien li dan jinbidel f’ċentru tal-komunità u jinkludi fih shopping arcade, appartamenti, lukanda, parkeġġ taħt l-art, ristoranti, piċċ tal-boċċi, playing field għat-tfal, u yacht marina.

Fl-1999 kien intqal li bdew diskussjonijiet dwar l-iżvilupp ta’ Baċir numru wieħed u sena wara ġew ippubblikati sitt proposti għal żvilupp kummerċjali u residenzjali tal-post. Iżda sal-elezzjoni tal-2003, il-proġett kien għadu ma nbedix.

Wegħda oħra li saret kienet li l-baċir jinbidel f’ċentru għall-artiġġjanat. Kien intqal li kellu jinkludi fost l-oħrajn huts għal snajja’ tradizzjonali. Fi Frar tal-2006 il-Kabinett immexxi mill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi approva pjan biex isir investiment ta’ LM12-il miljun u li fost l-oħrajn kellu jinkludi akwarju kbir. Is-sular t’isfel tal-bini fil-baċir kellu jiġi żviluppat b’mod kummerċjali u kulturali u s-sulari ta’ fuq kellhom isiru appartamenti. Ix-xogħol fuq il-baċir kellu jibda fl-2007 iżda ntemmet dik il-leġislatura u l-proġett tal-baċir ma bedix.

Fil-leġislatura ta’ wara, il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern reġa’ wiegħed li se jiżviluppa l-Baċir Numru wieħed. Din id-darba kellhom isiru xogħlijiet ta’ tisbiħ fix-xatt ta’ Bormla mad-dawra tal-baċir u fi pjazza Gavino Gulia. Ix-xogħlijiet bdew fis-sajf tal-2011 iżda sa April 2012, meta suppost tlesta l-proġett, ix-xogħol kien għadu lura. Waqt li kienu għaddejjin dawn ix-xogħlijiet, xi persuni spiċċaw weġġgħu u anzjana tilfet ħajjitha minħabba l-konfużjoni li kien hemm. Wara li l-proġett baqa ma tlestix tul il-leġislatura li għaddiet, ix-xogħlijiet kellhom jitkomplew mill-gvern preżenti. Ix-xogħlijiet ħadu spinta fis-sajf tal-2013, u fis-sajf tal-2014 ġie inawgurat il-proġett.

Taħt Gvernijiet Nazzjonalista l-proġett ta’ Baċir Numru wieħed kellu jkun ikkumplimentat minn diversi inizjattivi oħra bħal servizz ta’ trasport bil-baħar bejn l-ibliet tal-Kottonera, electric vans fit-toroq prinċipali tal-ibliet, parkeġġ taħt l-art, lukanda u żvilupp u restawr tal-Maċina.

Ix-xahar li għadda l-Gvern ħabbar li l-Baċir Numru wieħed se jkun qiegħed jilqa’ fih parti mill-American University of Malta. Università li se jkollha b’kollox ħames kulleġġi. Żewġ kulleġġi, dak tal-Business u Management u dak tal-Arti u l-Edukazzjoni, se jkunu stabbiliti fil-baċir numru wieħed la darba jitlesta xogħol ta’ riġenerazzjoni tal-post.

Il-gazzetta ILLUM tinsab infurmata li l-Gvern diġà kien ressaq applikazzjoni għar-restawr tal-faċċata tal-British Building u li ġiet approvata mill-MEPA, u  dan se jagħmilha aktar faċli biex ix-xogħol ta’ riġenerazzjoni tal-Baċir jimxi ’l quddiem.

Bħalissa għaddejjin ukoll negozjati dwar meta se jidħlu l-ewwel studenti kemm f’Bormla, kif ukoll fil-kulleġġi li se jkun hemm fiż-żona taż-Żonqor.

More in Politika