L-MEP Maltija Dr Miriam Dalli, li hija membru tal-kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-Migrazzjoni, intgħażlet sabiex tkun in-negozjatur ewlieni tal-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S&D) fuq it-tibdil leġiżlattiv tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-regoli ta’ Dublin.
Din ser tkun waħda mill-ewwel liġijiet imressqa bħala parti mill-Aġenda Ewropea għall-Migrazzjoni li kienet addottata mill-Kummissjoni Ewropea fit-13 ta’ Mejju 2015, u li kienet fasslet il-miżuri meħtieġa biex jirrispondu għal-isfidi eżistenti fil-qasam tal-migrazzjoni. Dawn il-liġijiet għandhom iġibu tibdil reali u prattiku fil-mod kif tiġi indirizzata il-migrazzjoni fit-28 Stat Membru tal-UE inkluż Malta.
Ir-regoli ta’ Dublin ilhom jiġu ikkritikati għal ħafna snin għaliex joħolqu pressjonijiet eċċessivi fuq stati membri mal-fruntieri bħal Malta. Ir-regoli jimponu li għandu jkun il-pajjiż tal-fruntiera li fih jidħol l-ewwel l-immigrant li jipproċessa t-talba tiegħu għal-ażil jew protezzjoni umanitarja.
Ir-rapport li fuqu ser taħdem Dr Dalli ser jiffoka fuq l-iżviluppar ta’ mekkaniżmu permanenti ta’ rilokazzjoni f’każ ta’ kriżijiet ta’ influssi kbar ta’ immigranti li jkunu qed ifittxu protezzjoni.
F’kummenti wara li intgħażlet għal-dan l-irwol Miriam Dalli esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-fatt li MEP Maltija ser tkun involuta direttament f’leġiżlazzjoni importanti għal pajjiżna. “Għandna bżonn mekkaniżmu li jillimita l-problemi li jiffaċċjaw stati membri fuq il-fruntiera bħal Malta f’każ ta’ kriżi tal-immigrazzjoni. Pajjiżna diġa għadda minn din is-sitwazzjoni fis-snin illi għaddew imma dak iż-żmien ma kien iddaħħal fis-seħħ l-ebda mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni. Huwa propju għalhekk li għandna bżonn mekkaniżmu permanenti li jgħin il-pajjiżi li jkunu qiegħdin jaffaċċjaw sitwazzjoni ta’ emerġenza,” saħqet Dalli.
“B’dan ir-rapport, il-Kummissjoni Ewropea qed tgħati l-mandat tagħha biex nibdew nindirizzaw ir-regoli ta’ Dublin. Irridu nassiguraw li dan it-tip ta’ mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni jikkunsidra r-relatajiet speċifiċi ta’ kull stat membru. Huwa importanti ħafna li l-kobor tal-pajjiż jkun ikkunsidrat u dan huwa wieħed mill-elementi li ser inkun qiegħda ngħafas fuqu,” qalet Miriam Dalli.
Dan ir-rapport leġiżlattiv kien ippreżentat lill-Parlament Ewropew flimkien ma’ rapport leġiżlattiv ieħor importanti li ser jiffoka fuq il-Pajjiżi ta’ Oriġini Siguri li fihom immigranti jkunu jistgħu jintbgħatu lura.