Norman Vella jisparixxi minn fuq NET TV

Hija ironika kif, filwaqt li meta spiċċa mill-PBS numru ta’ persuni fi ħdan il-PN kienu tkellmu favur Vella, illum ma tkellem ħadd favur tiegħu

Wara sajf jippreżenta l-programm ta’ diskussjoni fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista Net TV bl-isem ‘Mhux Cafè Premier’, il-preżentatur Norman Vella, li kien f’nofs kontroversja meta ma tħalliex ikompli jippreżenta programm fuq l-istazzjon nazzjonali, spiċċa barra mill-istess stazzjon ukoll.

Mhux magħruf jekk il-Partit Nazzjonalista u nies li qegħdin fil-midja tiegħu hux qed iħossuhom komdi jew le b’Vella wara li dan ippreżenta l-programm Mhux Cafè Premier matul ix-xhur tas-sajf.

Intant dan il-ġurnal għamel kuntatt ma’ Vella, li għall-mistoqsija ta’ din il-gazzetta qal li hu fl-ebda ħin ma tkeċċa mill-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista. Hu żied jgħid li d-deċiżjoni li ma jibqax jidher fuq in-Net kienet waħda purament azjendali u relatata mat-tmexxija tal-istess stazzjon.

Hija ironika kif, filwaqt li meta spiċċa mill-PBS numru ta’ persuni fi ħdan il-PN kienu tkellmu favur Vella, illum ma tkellem ħadd favur tiegħu, anke jekk spiċċa mingħajr programm. Ta’ min ifakkar li Vella kien ukoll kandidat tal-PN fl-elezzjoni tal-membri Parlamentari Ewropej. 

More in Politika