Il-problema tat-traffiku jisimha Joseph Muscat u Joe Mizzi - Simon Busuttil

Busuttil jgħid li Joseph Muscat l-uniku wieħed negattiv fuq il-proposti tal-Oppożizzjoni 

Waqt intervista fuq Radio 101 dalgħodu, il-Kap tal-oppożizzjoni Simon Busuttil irrefera għall-fenomenu tat-traffiku li għandna fit-toroq ta’ pajjiżna, b’mod speċjali nhar il-Ġimgħa li għadda, meta kien hemm min tilef titjiriet, min tilef operazzjonijiet, u min wasal ix-xogħol sagħtejn tard. Hu qal li jekk wieħed jaħli siegħa filgħodu u siegħa filgħaxija fit-traffiku, jkun qed jaħli ġurnata xogħol fil-ġimgħa fit-traffiku.

“Joe Mizzi ma jistax jibqa’ jwaħħal f’ta qablu għaliex it-traffiku żdied fl-aħħar sentejn u nofs, u flok jammetti li hawn problema, qed ikun aktar arroganti,” qal Simon Busuttil. Fost l-oħrajn, hu rrefera għal proposta li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni stess is-sena li għaddiet biex il-Gvern iħallas għat-trasport tal-istudenti fl-iskejjel tal-Knisja u dawk privati. Il-Gvern, iżda, flok ħa din il-proposta, daħaq biha u ramiha u minflok qal li tiswa’ l-flus. “Flus biex is-sussidju tat-trasport pubbliku jiżdied minn €10 miljun għal €30 miljun sab, iżda għat-tfal tagħna m’għandux flus,” qal Simon Busuttil. Simon Busuttil irrefera wkoll għall-proposta tal-Ministru Evarist Bartolo li jrid iqajjem lit-tfal siegħa qabel, u sostna li din hija proposta li ma tagħmilx sens.

“Il-problema tat-traffiku jisimha Joseph Muscat u Joe Mizzi. Nittama li l-proposti li se nkomplu noħorġu bihom, jintlaqgħu mill-Gvern u mhux ikompli jkun arroganti u jarmihom,” qal Simon Busuttil.

Fl-intervista rrefera wkoll dwar id-dokument b’analiżi ekonomika u numru ta’ proposti qabel il-budget, biex il-Gvern ikun jista’ jikkonsidrahom fil-preżentazzjoni tiegħu tal-budget. Dan id-dokument, imħejji mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Shadow Minister tal-Finanzi Mario de Marco, ntlaqa’ b’mod pożittiv minn kulħadd, inkluż mill-korpi kostitwiti, ħlief minn Joseph Muscat, li qabel ma qrah, ħareġ jgħid li d-dokument huwa negattiv u mhuwiex tajjeb. Il-proposti tal-Partit Nazzjonalista huma ndirizzati lejn tkabbir sostenibbli u dinjita’ għal kulħadd.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt intervista fuq Radio 101 dalgħodu. Simon Busuttil qal li dan huwa pass pożittiv, li ġie rikonoxxut minn kulħadd, ħlief minn Joseph Muscat. Hu qal li permezz ta’ dan id-dokument, il-Partit Nazzjonalista jrid li f’pajjiżna jkun hawn tkabbir sostenibbli li jitqassam ma’ kulħadd, u ma jgawdux minnu biss il-ftit nies viċin il-Prim Ministru, bħal Gaffarena, ta’ Cafe’ Premier, u l-mara tal-Ministru Mizzi. Simon Busuttil qal li t-tkabbir sostenibbli huwa kruċjali, fejn fost l-oħrajn irrefera għaż-żieda fid-dejn ta’ nofs biljun ewro, kif ukoll il-fatt li l-Gvern daħħal aktar minn 5,000 persuna mal-Gvern.

“Dinjita’ għal kulħadd tfisser li flok tagħti €4.2 miljun lil tal-Cafe’ Premier, tużahom biex tagħti l-mediċini b’xejn lil min ibati bil-kanċer. Dinjita’ għal kulħadd tfisser li flok tagħti €3.5 miljun lil Gaffarena, tinvesti dawn il-flus fl-Isptar biex ma jkunx hemm nies imutu fuq l-istretchers. Dinjita’ għal kulħadd tfisser li flok tagħti €13,000 fix-xahar lill-mara tal-Ministru, tara li l-ħaddiema ma jkunux magħfusin b’pagi baxxi,” sostna Simon Busuttil. Hu rrefera wkoll għall-aħħar ċifri dwar il-faqar f’pajjiżna, hekk kif issa dawk li jinsabu f’riskju ta’ faqar żiedu għal 100,000 persuna, b’żieda ta’ 2,500 fost l-oħrajn fin-numru tal-anzjani f’riskju ta’ faqar. Simon Busuttil qal li din mhix problema ta’ 20 sena oħra, iżda problema għal-lum.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li matul il-laqgħa ta’ nhar il-Ġimgħa mal-korpi kostitwiti, ir-reazzjoni għad-dokument kienet pożittiva ħafna. “L-uniku wieħed li ħareġ kontra kien Joseph Muscat li minn New York, siegħa wara, jiġifieri l-anqas biss kien laħaq qrah, ħareġ jattakka d-dokument u qal li mhuwiex tajjeb,” qal Simon Busuttil.

Simon Busuttil semma numru ta’ proposti li jinkludi dan id-dokument, fost l-oħrajn li jorħsu l-prezzijiet tal-elettriku, kif ukoll tal-petrol u d-diesel, u dan biex jirrifletti l-prezz internazzjonali taż-żejt li huwa biss terz ta’ dak li kien fil-leġiżlatura li għaddiet. “Il-GRTU qalet li fiċ-ċirkustanzi tal-lum, il-kontijiet tad-dawl għandhom jorħsu bi 30% oħra, u aħna qed nagħtu l-appoġġ tagħna lil din il-proposta.” Simon Busuttil fakkar li l-kontijiet raħsu permezz tal-interconnector, il-Power Station tal-BWSC u l-prezz internazzjonali taż-żejt li hu ftit aktar minn $40-il barmil. Hu sostna li hemm numru ta’ korpi kostitwiti oħra li qed jappoġjaw din il-proposta, fosthom il-Kamra tal-Kummerċ, l-MEA u anke l-UHM.

 

More in Politika