'Il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jaġixxi fuq dak li jitkellem dwaru'

Owen Bonnici u Edward Zammit Lewis dwar ix-xhieda ta' Claudio Grech u l-emails żvelati mill-Maltatoday

Claudio Grech ma' Austin Gatt
Claudio Grech ma' Austin Gatt

F’Konferenza tal-Aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Ministri Owen Bonnici u Edward Zammit Lewis, tkellmu dwar kif il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu test ta’ kredibbilità quddiemu biex jaġixxi fuq dak li jitkellem tant dwaru, il-ħtieġa ta’ politika onesta, dan b’referenza għax-xhieda li ta d-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi nhar l-Erbgħa li għadda u l-e-mails li żvelat il-gazzetta Maltatoday ilbieraħ, fatti li ma jaqblux.

Il-Ministru Owen Bonnici stqarr kif il-piż qiegħed fuq Simon Busuttil, l-istess Kap tal-Oppożizzjoni li għamel kampanja fuq il-ħtieġa ta’ politika onesta. Il-Poplu se jkun qed jiġġudika l-mod kif ser jimxi Simon Busuttil, saħaq Dr Bonnici. Il-Ministru tal-Ġustizzja semma kif il-Partit Nazzjonalista tal-llum huwa estenżjoni tal-passat, estensjoni ta’ Gvern Nazzjonalista u marbuta miegħu l-iskandli tal-Partit Nazzjonalista. Owen Bonnici sostna li d-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech mhu xejn wiċċ ġdid hekk kif ħadem għal bosta snin spalla ma’ spalla mal-eks-Ministru Austin Gatt fil-Ministeru tiegħu stess, jew inkella f’entitajiet li kienu jaqgħu taħt l-istess Austin Gatt.

Dr Bonnici tkellem ukoll fuq dak li qalet il-gazzetta Maltatoday, fejn l-istess Claudio Grech kien preżenti għal-laqgħa ma’ John’s Group waqt il-kampanja elettorali tal-elezzjoni ġenerali tal-2013 biex jipprova jipperswadi lil John’s Group joħorġu stqarrija li permezz tagħha jeżonoraw lil Austin Gatt. Xi ħaġa li dwarha la l-istess Claudio Grech ma tkellem u lanqas il-Kap tal-Oppożizzjoni. Il-Ministru tal-Ġustizzja fakkar kif kemm Lawrence Gonzi, Chris Said, Simon Busuttil, David Aguis u issa Claudio Grech, kollha wieġbu li ma jiftkarux meta mistoqsija biex iwieġbu minħabba li jirċievu ħafna e-mails. Fl-Aħħarnett Dr Bonnici saħaq li f’dan il-każ il-verità saret gidba u l-gidba saret verità, filwaqt li tenna kif dan il-Gvern m’għamilx bħal ħaddieħor u tkellem biss, issa daħħal liġijiet bħal Whistleblowers act, it-tneħħija tal-preskrizzjoni u l-liġi tal-Finanzjament tal-Partiti biex jiġġieled bil-fatti l-korruzzjoni.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Zammit Lewis spejga l-funzjoni tal-Kumitat tal-Kontijiet pubbliċi, kumitat li qiegħed hemm biex jara li l-affarijiet isiru sew u jsir awditjar ta’ entitajiet pubbliċi. Dr Zammit Lewis fakkar kif propju nhar l-Erbgħa li għadda d-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech kien quddiem dan l-istess Kumitat biex iwieġeb mistoqsijiet marbuta mal-każ tax-xiri taż-żejt u l-kummissjonijiet li kienu jingħataw, minħabba li l-istess Grech kien Kap tas-Segretarjat fi ħdan il-Ministeru li kien imexxi Austin Gatt.

Matul ix-xhieda li ta, spjega Dr Zammit Lewis, Claudio Grech semma li huwa kien iltaqa’ ma’ George Farrugia fl-2012, iżda e-mails żvelati fil-ħarġa tal-bieraħ tal-Maltatoday, juru kif kienu saru laqgħat fl-2006. L-e-mails li dehru fil-gazzetta Maltatoday u li ġew moqrija matul il-konferenza juru, kif anke kien hemm familjarità bejn Farrugia u Claudio Grech u li anke kien hemm laqgħa dwar il-privatizazzjoni tal-LPG.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni li ilu jagħmel appelli biex ikun hawn aktar good governance, għandu jitkellem fuq kif xhieda ġuramentata ta’ Deputat tiegħu kienet kontradittorja ma’ fatti li ħarġet gazzetta, temm jgħid Dr Zammit Lewis.

More in Politika