Se nuru kif il-budget seta’ kien ħafna aħjar - Demarco
Fid-diskors ta Simon Busuttil għada filgħaxija fil-Parlament se tkun qed turi kif il-Budget seta’ kien ħafna aħjar
More in Politika
Fid-diskors ta Simon Busuttil għada filgħaxija fil-Parlament se tkun qed turi kif il-Budget seta’ kien ħafna aħjar
Fid-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għada filgħaxija fil-Parlament, l-Oppożizzjoni se tkun qed turi kif il-Budget li ppreżenta l-Gvern Laburista nhar it-Tnejn li għadda seta’ kien ħafna aħjar.
Dan qalu l-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament u Shadow Minister tal-Finanzi Mario de Marco waqt kollegament telefoniku fuq Radio 101 dalgħodu. Hu sostna li l-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni konkreta għal pajjiżna, kif diġa’ beda jispjega fid-dokument ta’ qabel il-Budget bit-tema ‘Sustainable Growth and Dignity for All’ – xi ħaġa li saret għall-ewwel darba minn partit fl-Oppożizzjoni.
Għall-kuntrarju, sostna Mario de Marco, il-budget tal-Gvern Laburista ma fihx sens ta’ direzzjoni, mingħajr ebda viżjoni ta’ setturi ekonomiċi ġodda u bla miżuri li jtejbu l-kompetittivita’ ta’ pajjiżna. Mario de Marco rrefera wkoll għad-dokument tal-budget li l-Gvern ppreżenta ‘bi żball’. “Dan id-dokument jikkonferma li minkejja li kellu ċ-ċans li jagħti aktar lill-poplu Malti u Għawdxi, il-Gvern għażel li ma jagħtix dawn il-benefiċċji,” qal Mario de Marco.
Il-budget ta’ nhar it-Tnejn huwa konferma wkoll ta’ kemm il-Gvern ta’ Joseph Muscat mhux veru huwa Gvern li jisma’, għaliex quddiem il-karba mis-soċjeta’ ċivili biex il-Gvern iraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, il-Gvern għażel li jwebbes rasu. Mario de Marco rrefera wkoll għas-sisa ġdida fuq prodotti tax-xorb, li ġabet kritika qawwija mis-soċjeta’ ċivili u mill-produtturi.
Mario de Marco sostna li l-budget jagħti ‘ftit għalik, u ħafna għalihom’. “Ħsibna li se jindirizza aħjar il-ħtiġijiet tan-nies, iżda dan ma seħħx,” qal Mario de Marco. Hu rrefera għaż-żieda f’dawk riskju ta’ faqar li żdiedu minn 88,000 għal 100,000, u qal li ż-żieda fil-pensjonijiet mhix biżżejjed. Fl-aħħarnett, Mario de Marco tkellem dwar it-taxxa fuq it-traffiku, wara li din il-ġimgħa, l-Ministru tal-Finanzi żvela li l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel qed jinżammu għoljin, biex ma jiżdiedx it-traffiku. “Din il-politika tagħmel ħsara kbira kemm liċ-ċittadini kif ukoll lin-negozji,” spjega Mario de Marco.