“Irridu nikkunsidraw bis-serjeta li ninkludu fil-kurrikula edukattivi is-suġġett tat-tibdil fil-klima sa’ mill-primarja. It-tfal tagħna huma aġenti tal-bidla u għandhom rwol importanti ħafna biex jimbuttaw tibdil fl-attitudni fis-soċjeta’ tagħna.” L-MEP Miriam Dalli għamlet din l-istqarrija matul il-Konferenza “Progressies for Climate” li saret f’Pariġi ftit ġimgħat biss qabel il-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti, il-COP21 li se ssir f’Diċembru.
Il-konferenza “Progressives for Climate” kienet organizzata mill-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi flimkient mal-għaqda Ewropeja taż-żgħażagħ Soċjalisti, l-YES. L-attivita ġabret flimkien 100 żgħażugħ u żgħażugħa minn madwar l-Ewropa kollha, inkluż ukoll 4 żgħażagħ Maltin.
Matul diskussjoni interessanti dwar it-tibdil fil-klima u x’azzjonijiet huma meħtieġa, Miriam Dalli tkellmet dwar il-ħtieġa ta’ viżjoni fit-tul li tħares lejn il-fatt li l-karbonju huwa investiment riskjuż fil-futur.
Dr Dalli insistiet li madwar l-Ewropa għandu jkun hemm policies li jagħmlu l-karbonju ferma anqas attraenti finanzjarjament milli kif inhu llum, kuntrarjament għal pożizzjoni fejn il-gvernijiet ma jħallux li jsir investiment fil-karbonju. “Politika bħal din ikollha effett mhux mixtieq, għaliex ikollok organizazzjonijiet u instituzzjonijiet li jagħmlu bil-kontra għax isibu loopholes ta’ kif jistgħu iduru ma’ dawk id-deċiżjonijiet,” l-MEP Dalli qalet.
Dak li verament neħtieġu qalet Dalli, huwa li jkollna policies, li jkollna roadmap, li twassal għal bidla fil-mentalita tan-nies, tal-organizazzjonijiet u ta’ min jieħu d-deċiżjonijiet. “Din m’hijiex kwistjoni għal gvernijiet waħedhom biex jindirizzaw. Kull wieħed u waħda minnha għandha is-saħħa li jibdew ibiddlu l-affarijiet.
Kollha kemm aħna nistgħu nikkontribwixxu b’mod konkret biex nindirizzaw it-tibdil fil-klima,” Dr Dalli żiedet tgħid.
“Għalhekk huwa mportanti li ngħallmu lit-tfal tagħna dwar it-tibdil fil-klima sa’ minn eta’ żgħira. Jekk nagħmlu dan nistgħu nwasslu għal bidla fil-mentalita’ taċ-ċittadini kollha kemm huma għaliex l-impatt li għandhom it-tfal fuq il-ġenituri tagħhom huwa enormi,” Miriam Dalli kkonkludiet.