Il-Gvern tellef 11-il miljun ewro lil Malta - Metsola

Il-Partit Nazzjonalista jqajjem numru ta’ mistoqsijiet dwar ir-rapporti li l-poplu Malti u Għawdxi jista’ jitlef €6 miljun oħra mill-Isptar ta’ Għawdex

Il-Gvern ta’ Joseph Muscat għandu minnufih jagħti spjegazzjoni ċara dwar ir-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li kkundannat kif il-Gvern Malti nnegozja ma’ kumpanija waħda qabel ħarġet sejħa ta’ kompetizzjoni għax-xogħol fuq Triq il-Kosta. Diġa’ huwa gravi li l-Gvern Malti tellef €11-il miljun mill-bwiet tal-poplu Malti u Għawdxi, aħseb u ara meta l-Gvern qed jibqa’ jinsisti li ma jagħtix spjegazzjoni ta’ x’ġara u ma ġarax.

 

Dan qalitu x-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Roberta Metsola waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata wkoll mix-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli u mix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said.

 

Roberta Metsola qalet li l-Unjoni Ewropea tagħti fondi lil pajjiż, mhux biex il-Gvern tal-ġurnata jużahom kif irid u kif ifettilu. "Hemm proċeduri stretti u rigorużi ħafna ta’ kif għandhom jiġu investiti l-flus u fuq x’hiex. Il-Gvern għal darb’oħra qiegħed jilgħab bil-fondi Ewropej b’riskju li jekk jibqa’ għaddej bil-pjan tiegħu, il-poplu Malti jkollu jħallas 6 miljun ewro lill-Unjoni Ewropea mal-11-il miljun ta’ Triq il-Kosta," qalet Roberta Metsola.

 

Marthese Portelli qalet li aktar kemm il-Gvern idum biex jagħti t-tweġibiet għall-mistoqsijiet leġittimi li qed isiru, aktar jikbru suspetti li t-telf tal-€11-il miljun fuq il-proġett ta’ Triq il-Kosta mhumiex riżultat ta’ inkompetenza, iżda riżultat ta’ affarijiet oħra. 

 

Marthese Portelli sostniet li l-Gvern qed iqarraq meta jgħid li l-poplu mhux se jkun qed jitlef flus għax se jintużaw fi proġetti oħra. “Li kieku veru l-flus jintużaw fuq proġetti oħra, xorta waħda, se jkollna noħorġu €11-il miljun għal Triq il-Kosta li suppost tħallsu minn fondi Ewropej. Mhux talli hekk, talli sal-lum għad m’għandniex lista ta’ proġetti li suppost se jintużaw bil-€11-il miljun,” qalet Marthese Portelli.

 

Hi qalet li issa li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri kkundannat il-mod kif ingħata t-tender tax-xogħol fi Triq il-Kosta,  il-Gvern u l-entitajiet tiegħu ma jistgħux jibqgħu jwaħħlu f’xulxin u jbiddlu l-verżjoni ma’ kull ġurnata li tgħaddi, imma l-poplu Malti u Għawdxi għandu dritt li jingħata spjegazzjoni veritiera ta’ x’ġara u x’ma ġarax.

 

Minn naħa tiegħu, Chris Said qal li l-Partit Nazzjonalista jinsab imħasseb mhux ftit bir-rapporti mhux miċħuda li l-Gvern Malti jista’ jkollu jagħti lura €6 miljuni lura lill-Unjoni Ewropea wara deċiżjoni tal-istess Gvern li jipprivatizza l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. “Skont dawn ir-rapporti, id-deċiżjoni tal-Gvern ta’ Joseph Muscat li jiprivatizza l-Isptar ta’ Għawdex, mhux biss se tħalli impatt negattiv fuq il-ħaddiema tal-istess sptar u fuq il-pazjenti Għawdxin, iżda issa jirriżulta li l-poplu Malti u Għawdxi se jkollu joħroġ mill-but €6 miljuni biex jagħmel tajjeb għal din il-privatizzazzjoni,” qal Chris Said.

 

 

Chris Said qal li l-Ministru Konrad Mizzi ma jistax jibqa’ jistaħba, iżda għandu jgħid ċar u tond hux veru li bil-proċess tal-privatizzazzjoni, il-familji Maltin u Għawdxin se jkollhom joħorġu €6 miljun biex ituhom lill-Unjoni Ewropea. “Jekk jibqa’ jwebbes rasu, l-poplu Malti, u wisq aktar Għawdxi, se jżomm lil Joseph Muscat u Konrad Mizzi responsabbli,” temm jgħid Chris Said.

More in Politika