Bħala missier, in-nuqqas ta’ sigurta’ f’Paceville jinkwetani

 “Rajna ħafna ritratti, u anke monument, iżda r-riżultat tas-summit mhux wieħed storiku,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista

Waqt intervista fuq Radio 101 dalgħodu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li bħala ġenitur u missier, jinsab inkwetat ferm bin-nuqqas ta’ sigurta’ f’Paceville, b’mod speċjali fid-dawl tal-inċident li seħħ matul il-lejl li għadda. “Jien missier u ibni l-kbir jiffrekwenta Paceville. Ma nistax norqod rasi mistrieħa naf bin-nuqqas ta’ sigurta’ fiż-żona,” qal Simon Busuttil. Hu sostna li hemm bżonn livelli hħola ta’ standards u sigurta’ f’postijiet ta’ divertiment u fit-toroq ta’ Paceville. Hu staqsa wkoll kif fil-post fejn seħħ l-inċident kien hemm tfal, fost l-oħrajn ta’ 13-il sena.

 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-attakki terroristiċi f’Pariġi, u reġa’ esprima solidarjeta’ mal-qraba tal-vittmi u l-poplu Franċiż. “Dawn l-attakki mhumiex aċċettabbli, u għandu jsir xi ħaġa fuq livell dinji li jindirizza t-terroriżmu,” qal Simon Busuttil. Hu sostna li t-terroriżmu jista’ jolqot anke lilna, u għalhekk hu kruċjali li naħdmu lkoll flimkien kontra t-terroriżmu.

 

Dwar is-summit ta’ din il-ġimgħa, Simon Busuttil qal li dan kien wieħed diżappuntanti għaliex ma kienx fih sustanza. “Rajna ħafna ritratti, u anke monument, iżda r-riżultat tas-summit mhux wieħed storiku,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Hu qal li anke fir-rappurtaġġ internazzjonali ntqal li dan kien summit diżappuntanti, iżda l-uniku persuna li kien ewforiku u li qal li kien summit storiku kien Joseph Muscat.

 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera wkoll għall-iskandli f’pajjiżna, fost l-oħrajn dak tal-ħruġ ta’ 14,000 permess ta’ residenza f’sena waħda lil persuni mhux mill-Unjoni Ewropea u l-ħruġ ta’ 7,000 visa lil Alġerini. “Joseph Muscat ma jistax jipretendi li jgħid li qed jiġġieled kontra l-immigrazzjoni, u fl-istess ħin jiftaħ it-tapp hu stess,” qal Simon Busuttil. Hu staqsa wkoll għalfejn Muscat qed iwebbes rasu u ma jagħmilx inkjesta indipendenti dwar l-iskandlu tal-14,000 permess ta’ residenza, u għalfejn qed iwebbes rasu wkoll dwar l-iskandlu tal-visas lill-Alġerini.

 

Dwar it-telf ta’ €11-il miljun minn fondi Ewropej minħabba irregolaritajiet fit-tender tal-Coast Road, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa ċar li dan il-Gvern għaffeġ u ħawwad f’dan il-proċess. “Issa, l-poplu Malti u Għawdxi se jkollu joħroġ €11-il miljun minn butu biex jitħallas dan il-proġett, flok jintużaw għal affarijiet oħra,” sostna Simon Busuttil, filwaqt li qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jagħmel il-mistoqsijiet sakemm toħroġ il-verita’.

 

Dwar l-iskandlu ta’ Gaffarena, Simon Busuttil qal li Muscat qed iwebbes rasu quddiem rapport li qed iżommu moħbi u li jgħid li d-deal ta’ Gaffarena huwa illegali. “Il-probabilta’ li anke Muscat hu involut, u għalhekk, għadu ma neħħiex lil Michael Falzon. Ma jistax ikeċċieh għax jekk ikeċċieh, ir-responsabbilta’ taqa’ fuqu,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Hu sostna li wara li raw l-istandards jgħolew mill-Oppożizzjoni, issa n-nies qed jistennew li jaraw standards għolja anke mill-Gvern.

 

Fl-aħħarnett, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sellem lill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco, filwaqt li awguralu fejqan ta’ malajr.

 

More in Politika