Hemm regolamenti ċara ħafna dwar tfal f’postijiet ta’ divertiment - Il-Prim Ministru
Dawn l-affarijiet jinkwetawni u jirrabjawni, sostna l-Mexxej Laburista
More in Politika
Dawn l-affarijiet jinkwetawni u jirrabjawni, sostna l-Mexxej Laburista
Waqt li kien qiegħed jintervjeni permezz ta’ kollegament telefoniku fuq ONE Radio, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat tkellem fuq dak li ġara fi Franza u stqarr kif minkejja li Malta ma tinsabx fil-periklu, xorta waħda ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha.
Il-Mexxej Laburista saħaq li s-sitwazzjoni hija waħda ta’ sogħba u rabja, emozzjonijiet li li huma preżenti fl-Ewropa kollha u anke d-Dinja, u semma kif għada ser tkun qed tinżamm minuta silenzju bħala rispett għall-vittmi ta’ din it-traġedja. Dr Muscat issokta jgħid li fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt saru diskussjonijiet mas-servizzi tas-sigurtà biex wieħed jara x’riperkussjonijiet seta’ jkun hemm fuq Malta, iżda ħareġ kif Malta ma tinsabx fil-periklu, minkejja dan xorta hemm bżonn ta’ kawtela.
L-Appell tiegħi lill-pubbliku huwa li m’hemmx lok ta’ alarm u jekk ikun hemm xi forma ta’ thedida, li ma teżisix, ikun l-ewwel wieħed li nitkellem, stqarr Joseph Muscat filwaqt li għamel referenza wkoll għal laqgħa tal-mexxejja tal-Commonwealth u semma kif minkejja li ser jibqgħu għaddejjin il-preparamenti, għax m’hemm l-ebda thedida, xorta jekk ikun hemm bżonn jieqfu ċ-ċerimonji, dawn jieqfu, għax iridu nieħdu ħsieb pajjiżna, saħaq il-Prim Ministru.
Dr Muscat għamel referenza wkoll għal inċidenti li seħħew f’Paceville matul il-lejl li għadda u stqarr li minn dak li jidher, kien hemm tfal taħt l-età sewwa f’post ta’ divertiment, u għalkemm mhux ser nidħol fid-dinamika ta’ kif seħħew l-inċidenti għax hemm inkjesta għaddejja, hemm regolamenti ċara ħafna dwar tfal f’postijiet ta’ divertiment, stqarr il-Prim Ministru. Dawn l-affarijiet jinkwetawni u jirrabjawni, sostna l-Mexxej Laburista filwaqt li saħaq li l-Gvern se jkun qed jieħu l-mizuri kollha biex dawn l-affarijiet ma jibqgħux isiru.