Stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru tgħid li d-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni huwa irresponsabbli u mhux denju ta’ persuna li tokkupa kariga istituzzjonali f’pajjiżna.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jiddubita ħidma bejn forzi ta’ sigurtà ta pajjiżi differenti li kixfu racketta’ persuni li kienu qed jivvjaġġaw b’dokumenti foloz ta’ pajjiżi differenti madwar l-Unjoni Ewropea.
Dr Busuttil donnu jixtieq li jkun hemm rabta mat-terroriżmu u li pajjiżna jitpoġġa f’dawl ikrah. Iktar minn hekk, il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jipprova jagħmel ħsara lill-ekonomija ta’ pajjiżna u operaturi ekonomiċi oħra ta’ pajjiżna billi jipprova jbeżża’.
Li wieħed juża’ wkoll l-attakki ta’ Pariġi huwa ugwalment diżgustanti l-aktar meta l-persuni magħrufa sa issa li kienu involuti huma fil-maġġoranza tagħhom ċittadini Ewropej.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qed juża stereotipi u preġudizzji li ma jagħmlulux ġieħ u li jbaxxu kull diskussjoni politika.
Il-Gvern jassigura li se jkompli jaħdem biex iħares is-sigurtà tal-poplu Malti.