Inkjesta Maġisterjali dwar konsum tal-fjuwil tal-vettura użata min Simon Busuttil

Busuttil talab lill-ispeaker biex jissospendi b'effett immedjat lix-xufier addett miegħu

 

Simon Busuttil bagħat stqarrija li fiha qal, "Ftit tal-ħin ilu għadni kemm sirt naf li għadha kemm infetħet Inkjesta Maġisterjali wara rapport li sar mill-Ispeaker dwar il-konsum tal-fuel tal-vettura użata minni bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Peress li huma x’inhuma l-fatti dwar dan il-każ jien irrid li joħorġu kollha, u kulħadd, speċjalment jien, ikun jaf il-verita' kollha u sħiħa, jien għadni kemm ippreżentajt rikors quddiem il-Maġistrat li qed tmexxi din l-Inkjesta sabiex ninfurmaha li jien ninsab għad-dispozizzjoni sħiħa, assoluta, u kompleta tagħha jekk hi tħoss li nista’ b’xi mod ngħin f’din l-Inkjesta. Niddikjara wkoll li għadni kemm ktibt lill-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti biex nitolbu jissospendi b’effett immedjat lix-xufier addett miegħi pendenti l-eżitu ta’ dawn l-investigazzjonijiet."

Sadattant il-partit nazzjonalista bagħat stqarrija oħra għall-istampa li taqra hekk:

Hekk kif sar jaf li infetħet Inkjesta Maġisterjali dwar il-konsum tal-fuel tal-vettura użata minnu, għax jemmen fit-trasparenza, il-Kap tal-Oppożizzjoni minnufih preżenta rikors il-Qorti sabiex ipoġġi lilu nnifsu għad-dispożizzjoni tal-Qorti għal kull informazzjoni meħtieġa.

B’kuntrast ma dan, minkejja li għaddew jiem sħaħ minn meta sar magħruf li l-Ombudsman bagħat rapport dwar is-Segretarju Parlamentari Ian Borg lill-Kummissjoni Permanenti dwar il-Korruzzjoni, il-Prim Ministru mhux talli għadu ma ħax passi talli għadu lanqas biss tkellem dwar il-każ. 

Id-differenza fl-mod kif issir il-politika qed tkompli toħroġ kuljum. 

 

 

 

More in Politika