Busuttil jisħaq li l-kredibilita ta' Muscat tinsab in freefall
Jgħid li Muscat ammetta li Il-proġett taż-Żonqor issa sar ‘proġett turistiku’ -
More in Politika
Jgħid li Muscat ammetta li Il-proġett taż-Żonqor issa sar ‘proġett turistiku’ -
Il-maskla ta’ Joseph Muscat issa waqgħet. Illum pajjiżna huwa mmexxi minn Gvern korrott li jinsab maqbud f’xibja ta’ korrzzjoni. Joseph Muscat qed jagħmel il-maqlub ta’ dak li wiegħed, għaliex qed jagħmel l-agħar forma ta’ politika. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt intervista fuq Radio 101 dalgħodu.
Jekk qatt kien hemm dubju, disa’ xhur wara li tħabbar il-proġett taż-Żonqor, dalgħodu Joseph Muscat kellu jammetti li dan il-proġett hu wieħed turistiku.
Muscat ilu disa’ xhur jiprova jikkonvinċi lill-poplu Malti u Għawdxi li l-proġett taż-Żonqor huwa wieħed edukattiv, tant li prova jagħti l-impressjoni li fl-art verġni taż-Żonqor, se tinbena xi tip ta’ Universita’. Din ma kienet xejn għajr gidba għaliex il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Għola ma ħarġet ebda liċenzja għal Universita’. Issa, Muscat saħansitra qed jammetti li l-qerda taż-Żonqor se ssir għal proġett turistiku.
Bil-proġett taż-Żonqor, Muscat irnexxielu jgħaqqad lil kulħadd kontrieh. Issa, qed jagħmel l-istess bl-iskandlu tal-ksur tal-Kostituzzjoni fil-ħatriet tal-Maġistrati, liema skandlu Muscat dalgħodu għażel li jitfa’ taħt it-tapit u ma jlissinx kelma waħda dwaru minkejja li kien l-iskandlu tal-ġimgħa tant li l-gazzetti indipendenti kollha għandhom stejjer u rapporti dwaru fil-faċċati ta’ quddiem.
Aktar ma jitkellem Muscat, aktar joħorġu fil-beraħ il-gideb li jirrepeti minn ġurnata għall-oħra. Mhux ta’ b’xejn li kredibilita’ tiegħu tinsab in freefall.