Il-ħatra ta’ Deputat Mexxej tal-PL: ‘Yes Man’ jew persuna leali?

X'jaħsbu dwar din il-ħatra politiċi minn kull naħa u opinjonisti: għafsu u aqraw

 

Bħal leħħa ta’ berqa, din il-ġimgħa ħarġet l-aħbar li Toni Abela li kien jokkupa l-kariga ta’ deputat mexxej għall-affarijiet tal-partit fi ħdan il-Partit Laburista ngħata promozzjoni. Inħatar bħala Awditur tal-Qorti Ewropea u għalhekk ħalla l-post vakanti fil-PL. Post li jrid jimtela f’dawn il-ġimgħat li ġejjin, fejn donnu l-isem li ssemma fil-mezzi tax-xandir diġà, huwa l-Ministru tal-Enerġija u tas-Saħħa Konrad Mizzi. Il-politiku li kien ikkreat minn Muscat, li kellu jkun il-‘Cavallo di Battaglia’ tal-moviment Laburista ta’ Joseph Muscat bil-wegħda tar-roħs fil-kontijiet tad-dawl u ilma li wasslet għal rebħa elettorali storika tal-moviment. Tlabna l-kummenti ta’ personalitajiet u opinjonisti mill-kamp politiku Malti fejn kollha kważi jidhru li huma ċerti li Mizzi se jkun id-deputat Mexxej, anke għal fatt li Mizzi kien kreazzjoni politika tal-istess Muscat. Ħafna minnhom ħarġu l-element ta’ lealtà. Iżda lealtà lejn min? Lejn il-Prim Ministru nnifsu jew lejn il-Partit? Joseph Muscat se juża dan il-perjodu li jrid iwasslu sal-elezzjoni li jmiss biex isaħħaħ idejh fil-moviment li dan l-aħħar wera xi xquq żgħar, jew biex ikompli jressaq il-Partit lejn il-klassi medja?

 ‘Illum, il-Labour Malti m'għadux interessat fil-klassi tal-ħaddiema’ – Frank Psaila

Jekk il-mexxej Laburista Joseph Muscat se jpoġġi lil Konrad Mizzi bħala n-numru tnejn fil-partit, fl-opinjoni tiegħi, se jkun qed jagħmel dan b'intenzjoni waħda biss: biex isaħħaħ idu fuq il-partit li wisq probabli, tilef il-ħakma sħiħa li kellu fuqu wara tliet snin fil-Gvern. 

Konrad Mizzi hu trovatura ta’ Muscat, qdieh tajjeb qabel l-elezzjoni ġenerali, speċjalment ma’ l-hekk imsejħa switchers, imma m'iniex konvint li għad għandu dan il-valur tliet snin wara. Hu x'inhu l-każ, Mizzi viċin ħafna tal-mexxej Laburista. Saħansitra, kien għażlu biex fis-sajf ta' sentejn ilu, jixħitlu barmil kiesaħ fuq xulxin fl-isfida tal-Ice Bucket Challenge. Imbagħad, fuq nota ħafna aktar serja u li ħolqot mistoqsijiet kbar, marru waħedhom mingħajr rappreżentant taċ-ċivil u tal-media, għal laqgħa mal-mexxejja tal-Ażerbajġan. M'hemmx dubju li Mizzi huwa dak li bl-Ingliż jissejjaħ 'Yes man', xi ħaġa li Toni Abela ma kien qatt.

Jidhirli li fiċ-ċirkustanzi, il-Partit Laburista jeħtieġ persuna li hi viċin l-għeruq tal-Partit, speċjalment tan-nies tax-xogħol. Toni Abela, tista' ma taqbilx miegħu, imma żgur li kien viċin l-għeruq tal-partit. Biss, Toni Abela waħdu ma seta’ jagħmel xejn biex iqarreb lil-Labour viċin dawk li tradizzjonalment, dejjem taw l-appoġġ tagħhom lill-PL. Illum, il-Labour Malti m'għadux interessat fil-klassi tal-ħaddiema. Ħarstu xeħitha lejn il-benestant, li magħhom biss jiekol il-kirxa. Konrad Mizzi żgur mhux l-aħjar persuna biex il-ħaddiem Laburist, u dak li jaqlagħha u jikolha jħoss li għandu xi ħadd li jagħdru u jifhmu fit-tmexxija tal-Partit. Mizzi lanqas nista’ nsejjaħlu persuna tal-lemin, naqtgħu politiku pragmatiku fis-sens sħiħ tal-kelma.

Hemm min qed jgħid ukoll li Muscat irid ipoġġi lil Mizzi f'din il-kariga biex jeskludi l-possibbiltà li jagħti r-riħ lil xi ħadd li f'għajnejn in-nies jista' jidher bħala mexxej futur tal-Partit. Ma nistagħġibx."

 

‘Min jinħatar irid jgħin biex il-Gvern jerġa’ jirbaħ il-kredibbiltà fil-governanza’ – Marlene Farrugia

X’qed ifittex Muscat fil-ħatra ta’ Deputat Kap għall-affarijiet tal-Partit, hu biss jista’ jgħidlek x’għandu f’moħħu. Jien nista’ ngħidlek biss x’għandu jfittex. Il-Gvern Laburista sejjer tajjeb f’xi oqsma, speċjalment dawk ekonomiċi, iżda għandu problema kbira ta’ governanza fejn tilef kull kredibbiltà bħalma għamel l-istess fl-ambjent.

Il-persuna li għandha tinħatar, trid tara li toħloq stil ta’ governanza fil-partit li tirrifletti l-governanza fil-Gvern. Għax dak li jsir fil-Partit jirifletti dak li jsir fil-Gvern u għalhekk, min ikun deputat Kap irid jgħin lill-Partit jerġa’ jirbaħ il-fiduċja tal-poplu.

Iżda jekk irid verament jagħti messaġġ ta’ governanza trasparenti, anke fil-Partit irid jara li l-proċess ikun wieħed li jassigura li l-Partit hu wieħed trasparenti u demokratiku, u mhux ikun persuna li diġà jkun determinat min hu u d-delgati jagħtu timbru ta’ dak li jkun diġà lest. Għalhekk jekk isir hekk, ikun qed jissostanzja li l-poplu qed jara Partit Laburista li m’għandux ħila ta’ governanza.

Naqbel li kellu jintagħżel mill-membri kollha u mhux mid-delegati għax hu fatt magħruf li dawk id-delegati li kienu juru li ma jaqblux ma kollox kif qed jiggverna Muscat, jiġifieri dawk li mhumiex ‘Ġowżefjani’ twarrbu minn delegati.

‘Id-deputat mexxej ġdid se jwassalna għal rebħa akbar’ – Emanuel Cuschieri

 Konvint li d-delegati tal-Partit Laburista se jagħżlu Deputat Mexxej ġdid għall-Affarijiet tal-Partit li flimkien ma' Louis Grech u l-Mexxej Joseph Muscat se jwasslu biex jerġgħu jagħtu lil Malta fl-elezzjoni ta' sentejn u nofs oħra Gvern ieħor Laburista b' maġġoranza akbar minn ta' Marzu 2013. Ċert li se jkun Deputat Mexxej ġdid li se jkun organizzatur mill-aqwa, kreattiv, kredibbli, ta' integrità u fuq kollox, li diġà pprova lilu nnifsu bħala persuna li jagħti r-riżultati.

‘Lil Toni kienu għażluhulu d-delegati…lil Konrad se jkun għażlu hu’ – Michael Falzon

Naħseb li l-Prim Ministru jrid li jkollu partit organizzat fuq linji moderni u li jkun magna elettorali effiċjenti. Għalhekk qed jissemma Konrad Mizzi li hu kapaċi jwassal għal din it-tip ta' bidla u hu leali għal Muscat għax fil-fatt, fil-politika hu kreatura ta' Muscat innifsu. Naturalment f'dan il-punt ta' ħajtu, Muscat irid jassigura li min isir deputat tiegħu ikun leali lejh u mhux wieħed li jkollu ambizzjonijiet li jiret postu. Il-linja bejn persuna leali u 'Yes man' mhix dejjem ċara u kollox jiddependi minn kif Muscat jaħseb li Konrad Mizzi se jġib ruħu fil-kariga l-ġdida. Fil-verità, Toni Abela kien jagħraf kif ikun leali mingħjar ma jkun 'yes man'. Lil Toni kienu għazluhulu d-delegati. Jidher li lil Konrad se jkun għażlu hu stess, anki jekk għall-apparenza jidher mod ieħor.

‘Muscat se jaħtar persuna li tkun leali lejh għax ikun obbligat lejh’ – Arnold Cassola

Jiena m'iniex konvint li bilfors se jkun Konrad Mizzi. Imma l-mod kif Muscat qed jaġixxi, juri li jrid dejjem isaħħaħ il-poter tiegħu fil-Partit. Ħeles minn Toni Abela li kien wieħed mill-ftit fl-Eżekuttiv tal-PL li kien jaf jieqaf lil Muscat, u se jibdel l-istatut tal-Partit biex ikun jista' jdaħħal bħala deputat mexxej, membru parlamentari jew Ministru li jkun totalment leali lejn Muscat u jkollu jobdih f'kollox għax obbligat lil Muscat għal kollox. Aktar minn persuna li tkun leali lejn l-ideali tal-Partit, Muscat se jaħtar persuna li tkun leali lejh.

‘B’Konrad ifisser li l-PL qed jersaq lejn kif niddefinixxu l-Partit Demokratiku Amerikan’ – Godfrey Grima

Minkejja s-suċċess li għamel Toni Abela, Deputat Mexxej ġdid jeħtieġ iġib inizjattivi ġodda f’dinja li qed tinbidel kuljum. Il-kuntest, jiġifieri li l-Partit irid ikompli jirbaħ il-ġlidiet elettorali tiegħu, jibqa’ l-istess, imma Partit fil-Gvern irid ikun armat bi strateġija li tlaħħaq ma’ diversi sfidi. X’jistennew l-attivisti fi ħdan il-Partit? X’jistennew mill-partit fil-Gvern dawk li vvutawlu? Il-partit għadu popolari daqs kemm kien fl-elezzjoni? Il-partit kif ser jirnexxilu jiġbor il-fondi li għandu bżonn biex ilaħħaq ma’ dawn l-isfidi kollha? Il-partit kif ser ikompli jimmodernizza lilu nnifsu? Fil-każ li l-kariga tmur favur Konrad Mizzi, l-għażla għandha ġġib futur ġdid u interessanti  għall-Partit Laburista. Kif jgħidu l-Ingliżi, jekk trid xi ħaġa ssir sew, għażel lil xi ħadd li għandu ħafna x’jagħmel.

Għalkemm ħafna jemmnu li m’hemmx differenza fl-ideoloġija taż-żewġ partiti, fil-fatt il-Partit Laburista għadu ffukat fuq dawk li aktar jeħtieġu l-għajnuna  tal-Gvern biex jgħixu ħajja aħjar. Il-Partit Laburista jibqa’ Partit tal-ħaddiema imma jiddependi minn kif wieħed jiddefinixxi dan xi jfisser. Jien naħseb li xi ħadd bħal Konrad Mizzi jkompli jsaħħaħ dak li naħseb jien: Partit Laburista li qed jersaq lejn kif niddefinixxu l-Partit Demokratiku Amerikan, li hu partit li jkollu relazzjonijiet aħjar ma dawk li joħolqu l-ġid u dawk li jħaddmuh biex fl-aħħar mill-aħħar itejjeb il-ħajja ta’ dawk li jeħtiġuha l-aktar. Kollox jiddependi minn kemm id-Deputat Mexxej ġdid jirnexxielu jżomm il-partit popolari.”

‘L-ikbar żvantagg fl-għażla ta’ Konrad Mizzi  hija l-istorja tal-paga tal-mara tiegħu’ – Peppi Azzopardi

Fl-għażliet li jagħmel Joseph Muscat, insib li jagħti l-ikbar importanza f’kemm dik il-persuna tkun taf tikkomunika fil-media u ma’ min taf tikkomunika. Joseph Muscat jifhem tajjeb li d-deputat mexxej se jkun mistieden f’diversi programmi u dibattiti sa lejliet l-elezzjoni. F’dan is-sens, Konrad Mizzi huwa komunikatur tajjeb ħafna għax għandu l-abbiltà naturali li jikkomunika anke fuq affarijiet l-iżjed tekniċi b’passjoni li ma ssibx fit-teknokratiku, bla ma jitlef l-aura ta’ persuna teknika. Konrad Mizzi kapaċi jikkomunika mal-għeruq tal-Partit fejn il-PL jaf qed iħabbat wiċċu ma’ problemi serji. L-ikbar żvantagg fl-għażla ta’ Konrad Mizzi hija l-istorja tal-paga tal-mara tiegħu. Fi żmien il-PN ma kienx ikun hemm dibattitu jew diskussjoni li ma kinitx tissemma, “il-500 ewro żieda,” u llum l-istorja ta’ Sai Mizzi ħaditilha postha. Ovvja li b’Konrad Mizzi f’din il-kariga se jkun espost u sfidat ħafna aktar dwarha u ħafna iżjed fil-preżenza tiegħu stess.”

 

‘Jekk iridx ‘yes man’ il-Prim Ministru...għalija alla ħares dan iseħħ’ – Andrew Azzopardi

F'dal-pajjiż donnu rridu nitteorizzaw fuq kollox. Huwa minn għawl id-dinja li kap ta’ partit irid li t-tieni wieħed fit-tmexxija tiegħu li jista’ jikkumplimentah. Hu fatt ukoll li jkun hemm ‘lobbying’ intern biex dan iseħħ. Ma nimmaġinax li jista’ jkollna ċirkostanza fejn jitmexxa l-vapur f’direzzjoni differenti, għax ma naslu imkien. U allura kif is-segretarju ġenerali tal-PN, Rosette Thake kellha l-‘endorsment’ ta’ Simon Busuttil, kif kellu l-istess Busuttil meta nħatar viċi kap fi żmien Lawrence Gonzi. Jien nistenna l-istess f'din iċ-ċirkostanza. Jekk iridx ‘yes man’ il-Prim Ministru, għalija allaħares dan iseħħ. Id-deputat kap irid ikun proprja mera ta’ dawk id-deċiżjonijijet, ‘sounding board’, il-konsulent primarju tiegħu. U allura jien nistenna li jinħatar persuna kariżmatika għax f’partit fil-Gvern teħtieġ personalità b’saħħitha biex iżżomm il-partit miexi ’l quddiem, xi ħadd li hu qrib il-‘grassroots’ tal-partit, u fl-istess ħin, nistenna li jkun xi ħadd miż-żgħar.

‘Politiku li m'għandux ikun daqstant konċernat dwar minn fejn ġej iżda pjuttost fejn sejrin’ – Robert Musumeci

X'qed ifittex Muscat ma nistax ngħidlek. Ngħid biss li ħafna drabi, l-kariga jagħmilha l-persuna u mhux bil-maqlub. Jiġifieri l-komportament tal-persuna u l-impronta inizjali se jkunu kruċjali. Idealment ikun jew tkun individwu li tirrifletti l-istess bilanċ li jikkaretterizza lil Muscat. Jiġifieri xi ħadd li jemmen f' kunċett politiku li jmur lil hinn mill-istrutturi tradizzjonali mhux mibnija fuq il-politika tal-uċuħ. Politiku, li m'għandux ikun daqstant konċernat dwar minn fejn ġej iżda pjuttost fejn sejrin. Persuna li jrid ikun komdu bil-mentalità riformista, propensa li ġġib fix-xejn ir-riċetti tal-bieraħ. Għaldaqstant, politiku li fl-istess ħin, kapaċi jingaġġa ma’ dawk tradizzjonali li fl-assenza tagħhom ikun hemm sfaxx.

 

More in Politika