Comodini Cachia tkompli taħdem fl-ewropa kontra l-marda tad-dijabete

Ir-riċerka fuq id-dijabete u l-isfidi ffaċċjati mir-riċerkaturi lokali diskussi mal-Kummissarju Moedas

"Il-fatt li aħna lkoll nafu lil xi ħadd li jbati mid-dijabete juri kemm huma estensivi l-effetti ta’ din il-marda fuq il-ħajja taċ-ċittadini tagħna. Istati Membri u l-Ewropa jridu jiprijoritizaw il-metodi tal-prevenzjoni sabiex jiġi żgurat li persuni li jbatu mid-dijabete jkollhom l-aħjar attenzjoni medika. Investiment fir-riċerka kif ukoll metodi ta' trattament u l-prevenzjoni huma flus minfuqa tajjeb. L-Istati Membri għandhom jimxu fuq il-passi tal-Unjoni Ewropea fejn jikkonċerna l-impenn finanzjarju lejn ir-riċerka u t-trattament relatat mad-dijabete" Comodini Cachia għamlet dawn ir-rimarki waqt laqgħa tal-Grupp ta' Ħidma Ewropew dwar id-Dijabete (EUDWG) li iffokat fuq ir-riċerka bit-titlu "Id-Dijabete: Ħtiġijiet pendenti – il-Prijoritajiet Ewlenin għar-Riċerka fuq id-Dijabete fl-Ewropa".

 

Wara laqgħat ma riċerkaturi Maltin, Comodini Cachia ppreżentat lill-Grupp ta' Ħidma b'wieħed mill-proġetti ta' riċerka li qed jiġu proposti minn riċerkatur Malti u li qed jiffoka fuq żvilupp ta' għodda aktar effettiva u effiċjenti għal-screening tal-massa biex jitnaqqas ir-riskju ta' telf tal-vista ta dawk li jbatu mid-dijabete kkawżata minn retinopatija dijabetika (DR). DR hija t-tieni l-akbar kawża li twassal għat telf tad-dawl fl-Ewropa u li jekk tinstab fil-ħin, tista' tiġi kkontrollata ​​sa ċertu punt. Malta għandha inċidenza għolja ta' DR u dan qed jizdied b’mod permanenti.

 

Comodini Cachia tkellmet dwar l-isfidi ffaċċjati mir-riċerkaturi lokali biex jiksbu fondi inkluż il-fatt li qed tingħata wisq importanza lill-potenzjal industrijali u ekonomiku tar-riċerka, aktar milli l-aspetti innovattivi u xjentifiċi, b’dan tal-aħħar iservi ta’ rabta importanti għall-avvanzi xjentifiċi fis-settur tas-saħħa li jsiru mill-komunità xjentifika globali.

 

Il-Kummissarju Carlos Moedas - Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, ix-Xjenza u l-Innovazzjoni attenda għal-laqgħa u stqar li "l-kombinazzjonijiet ġodda ta' riċerka tad-dijabete ma teknoloġiji diġitali qed iwasslu għal opportunitajiet innovattivi għat-trattamenti relevanti. Jiena konvint li l-mediċina personalizzata se jkollha rwol dejjem aktar importanti fil-ġlieda kontra d-dijabete. Għalhekk irrid Ewropa li tixpruna t-triq ‘l quddiem."

 

Il-Kummissarju Moedas enfasizza l-importanza li jiġu pprovduti aktar għażliet għal aktar pazjenti u li l-Ewropa tibqa fuq quddiem nett bħala fornitur ta' soluzzjonijiet ġodda fit-trattament tad-dijabete. Hu qal li fi żmien l-ewwel sentenjn il-programm ta’ fondi Horizon 2020 kien diġà qed jiffinanzja madwar 63 proġett dwar id-dijabete b’investiment ta’ madwar 140 miljun Euro. Il-Kummissarju feraħ lill-EUDWG għall-isforzi tal-grupp fil-ġlieda kontra d-dijabete.

 

L-iskoperta tal-insulina fis-seklu 20 kien mument storiku fir-riċerka medika fuq id-dijabete. Minn dakinhar id-dinja għal dawk li jbatu minn din il-kundizzjoni ta' periklu għall-ħajja nbidlet. Permezz tal-komunità tar-riċerka xjentifika,  l-Ewropa ghandha aktar għarfien fuq x’jikkawża d-dijabete. Madanakollu aktar investiment fir-riċerka bażika għandu jitkompla u jkun sostnut.

 

Il-Koalizzjoni Ewropea għad-Dijabete li tifforma parti mill-EUDWG poġġiet fuq quddiem nett tal-aġenda tagħha r-riċerka flimkien mal-għarfien tal-pubbliku, il-prevenzjoni u t-trattament u l-monitoraġġ fit-tul.

 

Il-EUDWG huwa grupp ta' Membri tal-Parlament Ewropew minn gruppi politiċi u pajjiżi differenti b'interess partikolari fid-dijabete. Comodini Cachia hija co-chair tal-Grupp ta' ħidma.

More in Politika