Aktar għajnuniet għall-Intrapriżi Żgħar u Medji
allokati madwar €15M Fondi Strutturali Ewropej sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet partikulari tal-SMEs Maltin
More in Politika
allokati madwar €15M Fondi Strutturali Ewropej sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet partikulari tal-SMEs Maltin
Is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u Fondi Ewropej Ian Borg, flimkien mal-Bank of Valletta, inawgura skema ta’ għajnuna għall-SMEs. Din l-iskema se tkun qed tagħti l-opportunità lill-kumpaniji żgħar u medji biex ikunu jistgħu japplikaw għal dan l-istrument finanzjajru u jibbenefikaw minn dawn il-fondi.
Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg qal li l-iskema mħabbra llum se tkun qed tinidirizza l-ħtiġijiet partikulari tal-SMEs Maltin li ħafna minnhom jimpjegaw ftit nies magħhom jew saħansitra joperaw waħedhom. L-istess japplika għal ‘family businesses’ li jiffurmaw parti sostanzjali tal-ekonomija ta’ pajjiżna.
Fl-aħħar snin, bir-raġun, il-banek kienu dejjem prudenti fis-self tagħhom u dan seta’ poġġa ċertu SMEs fi żvantaġġ. Kien proprju fuq dan il-ħsieb li kien qed jiġi mniedi dan l-istrument finanzjarju li għandu rwol importanti ħafna fl-operat tal-SMEs.
Borg qal li permezz ta’ din l-inizjattiva, pajjiżna qed ikompli jibni fuq is-suċċessi li diġà kellna f’dawn l-aħħar sentejn u nofs. Huwa spjega kif l-allokazzjoni inizjali mill-Fondi Strutturali se tkun ta’ €15M waqt li l-investiment totali ġġenerat mistenni jkun ta’ madwar €60M. Huwa stmat ukoll li ’l fuq minn 850 SME misennija jibbenefikaw permezz ta’ dawn il-fondi.
B’dan l-investiment, tenna s-Segretarju Parlamentari, il-Gvern qiegħed jagħti prijorità lill-kumpaniji żgħar u medji biex jinvestu u jkomplu jespandu. Huwa żied jgħid li fiż-żmien li ġej, apparti din l-inizjattiva, se jkun hemm ukoll inizjattivi oħra simili, speċjalment fis-settur tal-enerġija, sabiex inkomplu nipprovdu aktar assistenza lill-SMEs.
Borg għalaq diskors tiegħu billi qal li din hija opportunità sabiex nibnu suq finanzjarju bbażat fuq il-bżonnijiet tal-SMEs u li b’hekk ikunu jistgħu jiġu stimulati aktar investimenti. Huwa ħeġġeġ lil kull min huwa interessat biex japprofitta minn din l-opportunità waqt li faħħar ix-xogħol tal-Bank of Valletta li dejjem għaraf l-importanza tal-Intrapriżi Żgħar u Medji fil-qafas tal-ekonomija Maltija u li kien strumentali sabiex din l-iskema tibda tiġi mħaddma.