Il-Kap tal-Oppożizzjoni gideb u l-giddieb għomru qasir - PM
Lil Konrad Mizzi qabel ma kkontesta l-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit kont għedtlu li ser joħorġu qatta’ bla ħabel kontrih - PM
minn John Busuttil
Joseph Muscat waqt li kien qiegħed jindirizza attività politika fiċ-Ċentru Laburista taż-Żejtun fakkar kif nhar il-Ħadd li għadda, il-Kap tal-Oppożizzjoni semma waqt l-attività politika li kellu telefonata ta’ raħħal Għawdxi, Ġanni Attard, li dan tal-aħħar se jkollok l-annimali tiegħu maqtula fuq ordni tal-Qorti. Il-Prim Ministru saħaq li ħadd ma jieħu pjaċir li jinqatlu l-annimali, iżda meta saqsa numru ta’ mistoqsijiet bħal jekk hemmx xi veterinarji li jerfgħu r-responsabbiltà jekk dawn ma jinqatlux, u ħadd ma ressaq ‘il quddiem, jekk jistgħu jsiru t-testijiet kollha mingħajr ma jinqatlu iżda t-tweġiba kienet fin-negattiv u x’jistgħu jkunu l-konsegwenzi, u t-tweġiba kienet li jista’ jkun hemm każijiet ta’ deni rqiq u mard ieħor li jolqtu l-aktar lit-tfal u l-anzjani. Din hija kwistjoni ta’ saħħa u fejn is-saħħa ma joqgħod ħadd, stqarr il-Prim Ministru filwaqt li tenna li l-ebda politiku m’għanndu jaqbeż il-pariri tal-esperti. Joseph Muscat issokta jgħid li Ġanni Attard qal li huwa qatt ma kien iltaqa’ mal-Prim Ministru, allura, tenna Dr Muscat, kif jista jkun li jien inwiegħed lil xi ħadd xi ħaġa,jekk qatt ma ltqajt miegħu?. Il-Kap tal-Oppożizjoni gideb u l-giddieb għomru qasir għax hu prova jgħid mod ieħor, meta l-verità kienet oħra. Jekk ma tistax tafda lill-Kap tal-Oppożizzjoni fuq nagħġa aħseb u ara fuq affarijiet oħra, tenna l-Mexxej Laburista.
Muscat qal li Simon Busuttil ilu għal dawn l-aħħar 4 t’ijiem jaħrab milli jirrepeti dak li qal fil-Parlament "Lil Konrad Mizzi qabel ma kkontesta l-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit kont għedtlu li ser joħorġu qatta’ bla ħabel kontrih u filfatt ħarġu storja mmirata għad-delegati tal-Partit Laburista, storja li ħarġet waqt elezzjoni li kien qed jikkonesta biex id-delegati ma joħorġux jivvutaw, iżda minflok id-delegati tal-Partit Laburista ħarġu jivvutaw b’saħħa kbira. Dawn id-dirty tricks ma jaħdmux magħhom, bħal ma jaħdmux mal-poplu, qal Joseph Muscat. Il-Prim Ministru semma kif kien hemm numru ta’ nies bla preċedent li kkuntatjawna fl-aħħar ħin, fosthom anke Deputati tal-PN li lkoll saħqu li ma jaqblux mad-dirty tricks tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista filwaqt li stqarr li l-ikbar problema tagħhom hija li jkejjluna b’xibirhom, li dak li kienu jagħmlu huma qed jagħmlu aħna."
Dr Muscat saħaq li l-Ministru Konrad Mizzi qallu li huwa kien ser jippublika kollox u lest li anke jkun investigat fuq kollox u mhux fuq it-trust biss. "Issa l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu problema għax Konrad Mizzi called his bluff, u għalhekk il-ballun qiegħed fuq in-naħa tiegħu." Il-Mexxej Laburista għamel referenza għas-seduta Parlamentari aktar kmieni din il-ġimgħa u stqarr kif Simon Busuttil kien mitluf f’dagħdiha ta’ rabja u disperament, "rabja li rari rajt lil xi ħadd fiha," tenna Joseph Muscat. "Wara din is-seduta, sfidajnih li jirrepti l-istess affarijiet li qal fil-Parlament, barra biex imbagħad ikollu jerfa’ r-responsabbiltà tal-azzjoni. Minflok ilu għal dawn l-aħħar 4 t’ijiem jaħrab milli jirrepetihom u jekk xi darba jrid li xi ħadd jieħdu naqra bis-serjetà għandu jagħmel dan" tenna l-Prim Ministru.
Il-Mexxej Laburista qal li Simon Busuttil tah 24 siegħa ċans, biex jilħaq jiġi minn barra," iżda jien ngħid m’għandekx għalfejn tistenna, jekk għandek tagħmel xi ħaġa agħmilha issa u mhux toqgħod tistenna" sostna Dr Muscat.
"L-Oppożizzjoni tattakka għax m’għandha xejn xi tgħid, m’għandiex x’toffri, lill-poplu mhux attakki trid toffrilu imma alternattiva. U alternattiva m’hemmx" stqarr il-Prim Ministru filwaqt li fakkar kif fl-ewwel test serju li kellu l-Kap tal-Oppożizzjoni dwar governanza fallih, hekk kif il-whistleblower fil-każ work for votes kien ċanfru għax baqa’ għaddej bix-xogħolijiet għax kienet ser tintilef l-elezzjoni flok mar għand l-awtoritajiet.