Id-deputat Nazzjonalista Albert Fenech ta l-ittra ta' riżenja tiegħu mill-Parlament minħabba li se jkun impenjat barra mill-pajjiż f'taħriġ sabiex ikun jista' jaqdi sew il-funzjonijiet tiegħu ta' Direttur mediku u kap tad-dipartiment tal-kardjoloġija fl-isptar San Luqa u l-Isptar t'Għawdex, meta dawn jiġu rinovati.
Dan wara li s-servizzi tiegħu ma kinux għadhom meħtieġa fl-Isptar Mater Dei meta kien inbidel id-Dipartiment tal-Kardjoloġija. Għaldaqstant, fl-ittra ta' riżenja tiegħu, Fenech qal li ftit wara, ġie avviċinat minn Vitals Global Healthcare li offrewlu pożizzjonijiet fi ħdan il-kumpanija li se tkun qed topera mill-Isptar San Luqa u l-Isptar Ġenerali t'Għawdex.
Sakemm dawn il-proġetti jidħlu fis-seħħ u anke wara, Fenech se jkun meħtieġ isiefer għal bosta drabi fuq xogħol sabiex jibqa' aġġornat ma' dak li jkun qed iseħħ fil-qasam, fosthom fil-Georgia u l-Islovakkja.Għaldaqstant, Fenech kompla jgħid li mhux se jkun f'pożizzjoni li jagħti l-attenzjoni u l-ħidma mistennija fil-Parlament u fi ħdan il-grupp parlamentari.
Albert Fenech kien ġie elett fuq l-għaxar distrett biex jimla l-post vakanti tal-George Pullicino. F'elezzjoni każwali, il-favorit li jitla' fil-Parlament biex jimla l-post ta' fenech, ikun is-sindku ta' San Ġiljan, Karl Gouder, li kien diġà jagħmel parti mill-grupp Parlamentari fl-amministrazzjoni preċedenti, iżda tilef is-siġġu fl-2013.
Il-Partit Nazzjonalista ħabbar dan fi stqarrija iktar kmieni dalgħodu, waqt li ppubblika l-ittra ta' riżenja tal-istess Fenech.