'Il-Kunsill Lokali mmexxi mid-dilettanti'

Il-kunsillieri Laburisti jirritaljaw għal artiklu li deher fuq l-ILLUM ta' nhar il-Ħadd li għadda

Il-kunsilliera tal-Partit Laburista f’San Pawl il-Baħar jinnutaw, li l-istqarrija li ħarġet Graziella Galea, is-Sindku Nazzjonalista ġimgħa ilu, tikxef kompletament il-faqar u d-dilettantizmu li miexi bih il-Kunsill Lokali taħt it-tmexxija tagħha. Dilettantizmu li qiegħed jikkawza danni irreparabbli għan-negozji kif ukoll għal-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar in ġenerali. Għall-benefiċċju tad-dubju, aħna l-kunsilliera tal-PL nixtiequ nemmnu, li s-Sindku hija daqstant naïve li lanqas qiegħda tinduna li l-problema kardinali ta’ dan il-kunsill mhumiex il-kunsilliera tal-PL li ħarġet pubblikament tattakka, imma dawk is-suppost sħabha ta’ madwarha. 

Il-kunsilliera tal-PL telqu 'l barra b’risponsabbiltà, fejn l-azzjoni meħuda, ttieħdet propju f’laqgħa fejn fuq l-aġenda kien hemm BISS il-pagamenti. Ipprotestaw, mhux b’diżrispett lejn ir-resident imma bil-kontra, b’rispett! Rispett lejn dritt sagrosant ta’ kull resident li jifli fil-kwiet ta’ daru ħidmet il-kunsill. Dritt, li qiegħed kompletament jiġi mċaħħad mit-tmexxija tal-kunsill. Dan bil-kontra ta’ dak li jidher li qiegħed isir minn sħabha l-kunsilliera tal-PN.  

Għalhekk f’dawn ic-cirkostanzi nahsbu, li huwa f’waqtu u xieraq li s-Sindku tghid pubblikament jekk huwiex minnu li l-Viċi Sindku David Thake telaq 'il barra ftit ħin biss wara li kien għadu kif daħal biex jattendi laqgħa skedata għat-30 ta’ Marzu 2016. F’gieħ it-trasparenza għandha tgħidilna wkoll jekk huwiex minnu li dan għamlu wara battibekk jaħraq bejniethom u għax injora kompletament il-ħin tas-6.30pm stabbilit minnha stess. B’hekk il-poplu ikun jaf verament min qiegħed IFIXKEL!!

Minn kif jihdru l-affarijiet, jista’ jagħti l-każ ukoll, li s-sindku qiegħda żżomm lill-Viċi tagħha David Thake, responsabbli għas-sitwazzjoni imbarazzanti li sabet ruħha fiha. Dan minħabba l-fatt, li l-laqgħa urġenti li sejħet hi stess tħassret meta l-persuna li hija stess fdat bir-responsabbiltà naqas li f’10 xhur sħaħ jiżviluppa website tal-kunsill kif kien wiegħed. 

Il-kunsilliera Laburisti jfakkru, li filwaqt li wieħed jifhem li dan in-nuqqas serju kellu u għad ghandu konsegwenzi negattivi fuq l-obbligi tal-kunsill, xorta ma jeżonorax lis-sindku mir-responsabilità’ tal-balbuljati li għamlet waħda wara l-oħra meta naqset;
1)      Milli tressaq skeda ta' pagamenti għall-approvazzjoni waqt it-12-il laqgħa tal-Kunsill kif obbligata li tagħmel.
2)      Meta naqset milli tinduna bl-istess nuqqas gravi hi stess u kellu jkun kunsillier tal-PL li ġibed l-attenzjoni.
3)      Meta ħarġet aġenda pubblika b'ħin mod biex ftit wara, rtirata mingħajr ebda konsultazzjoni, dan biex tressaq il-ħin tal-ftuh tal-istess laqgħa bi ftit minuti.

Ovvjament, il-fatt li prattikament f’sena sħiha f’San Pawl il-Baħar ma sar XEJN, mhux jgħin lis-Sindku li ssib l-appoġġ meħtieg. Għalhekk qiegħda tipprova ssib kull skuża mmaġinarja biex tgħatti dan il-falliment totali tagħha.

Nisperaw, li s-Sindku Graziella Galea mhux qiegħda tistenna li xi darba l-kunsilliera tal-PL f’San Pawl il-Baħar li jivvutaw magħha favur li l-kunsill jibda jagħmel qligħ finanzjarju minn fuq dahar l-anzjani tagħna hekk kif hemm propost fi skeda ta’ pagamenti/dhul għat-18/02/2016 – 04/03/2016 kontra dak stipulat mill-liġi!

Sewwa sew, x’qiegħda tistenna s-Sindku, li l-kunsilliera tal-PL jibqgħu b’ħalqhom magħluq quddiem ksur sfaċċat ta’ Kapitolu 363, Att dwar il-Kunsilli Lokali meta fit-30 ta’ Marzu 2016 tmexxiet laqgħa straordinarja meta l-ħin ta’ nofs siegħa għall-Quorum stabbiliet f’Artiklu 43 tas-6 skeda tal-istess Kapitolu kien diġà skada b’10 minuti?  
Il-qawl Malti jghid li l-istorja tirrepeti ruħha, u hekk hu!! Dan id-dilettantizzmu fit-tmexxija esperjenzajnieh bejn l-2008 – 2012 taħt l-istess tmexxija ta’ Ms Galea, bid-differenza tkun, li din id-darba hemm ukoll l-għatx u l-kilba għal siġġu parlamentari Nazzjonalista fl-elezzjonijiet ġenerali li jmiss, kilba u piki li qegħdin joħonqu xogħol ta’ fejda fil-kunsill.    

L-ILLUm qed tippubblika l-istqarrija fl-intier tagħha, bħala dritt ta' risposta.

More in Politika