Minkejja li kien imsemmi bħala wieħed mid-Deputati Laburisti li talbu għar-riżenja ta’ Konrad Mizzi, il-Ministru Evarist Bartolo xorta kien jivvota mal-Gvern kieku għada, minflok mozzjoni kontra l-Gvern kollu, il-PN ressaq mozzjoni kontra Mizzi. Mal-ILLUM il-Ministru Bartolo ingħaqad mad-Deputat u Whip Laburista Godfrey Farrugia, li mas-sit illum.com.mt ukoll qal li kien jivvota kontra mozzjoni ta’ sfiduċja f’Konrad Mizzi.
Leo Brincat, Deputat ieħor irraportat li tkellem fis-sens li Konrad Mizzi kellu jirreżenja, ma xtaqx jirrispondi l-mistoqsijiet tagħna direttament. Għal mistoqsijiet tal-ILLUM dwar kif se jivvota għada u dwar kif kien jivvota kieku l-mozzjoni kienet kontra Konrad Mizzi, Brincat wieġeb biss li “id-dritt tal-vot se neżerċitah nhar it-Tnejn”.
Iktar kmieni din il-ġimgħa l-eks-Deputata Laburista Marlene Farrugia ħabbret li se tkun qed tivvota kontra l-Gvern u mal-Partit Nazzjonalista b'qalbha maqsuma. Mal-ġurnal The Times Farrugia kompliet tgħid li l-fatt li se tivvota kontra l-Gvern hija xi ħaġa "trawmatika" u "psikoloġikament devastanti." Hija qalet li l-għażla tagħha se tkun bejn żewġ affarijiet li tħobb, il-pajjiż u l-partit, għalkemm fakkret mill-ewwel li l-lealtà tagħha tibqa' dejjem lejn il-pajjiż.
Intant, għada l-Parlament mistenni jitlaqqa’ għal seduta li se tibda fid-9:00 am u tibqa’ sejra sal-10:00 pm, 13-il siegħa b’kollox u huwa mistenni li l-maġġoranza assoluta tad-Deputati miż-żewġ naħat jitkellmu waqt dan id-dibattitu.
Matul il-jum, is-sit illum.com.mt se jkun qed jaġġorna lill-qarrejja tiegħu bl-aħħar żviluppi fid-dibattitu li jkun għaddej fil-Kamra tar-Rappreżentanti kif ukoll b’rappurtaġġ iktar estensiv tad-diskorsi tal-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizjoni Simon Busuttil.
Din il-mozzjoni tressqet mill-PN fid-dawl tal-aħħar żviluppi fil-każ li jirrelata mal-kumpaniji ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-Panama.