Minn ftit siegħat biss wara li kien mħabbar ir-riżultat tal-vot Parlamentari, kien ċar illi l-Gvern permezz tal-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministri tiegħu, l-aktar Chris Cardona kienu se jduru fuq strateġija agressiva imma pożittiva ta' tħabbir jew inawgurazzjoni ta' xi forma ta' investiment. Fil-fatt f'dawn l-aħħar siegħat kienu mħabbrin jew inawgurati xejn inqas minn erba' investimenti fit-turiżmu, fil-manifattura, teknolopija kif ukoll fl-avjazzjoni.
Dan hekk kif il-Gvern jinsab f'pożizzjoni xi ftit jew wisq diffiċli bil-kwistjoni Panama li ħalliet effett ħażin ħafna fuq il-PL elettoralment.
Wara li lbieraħ kien inawgurat investiment ta' €15-il miljun fil-lukanda Hilton Malta, aktar tard il-PM Muscat presieda għal ċerimonja illi fiha kien imħabbar investiment ta' €30 miljun, mifrux fuq medda ta' snin u li se joħloq mal-200 impjieg fil-Playmobil. Dalgħodu l-PM Muscat ħabbar ukoll illi l-SR Technics se tkun qed tinvesti €33 miljun u li permezz ta' dan l-investiment se jinħolqu 132 impjieg ġdid.
Ftit tal-mumenti ilu kien inawgurat investiment ta' €3.5 miljun f'Data Centre ġdid fi Smart City minn BMIT Malta. BMIT ħabbret ukoll network ġdida b'veloċità għolja li jgħaqqad iċ-ċentri tad-data ta’ din il-kumpanija f'Malta, l-Italja u l-Ġermanja flimkien, u mal-Internet. Dan in-network ġdid ser ikun qed joffri konnettività ta’ 40Gbps, u jipprovdi kwalità għolja fil-qasam tas-servizz tal-internet lill-klijenti tagħha.
Il-Ministru Cardona stqarr li dan iċ-ċentru l-ġdid mhuwiex biss investiment għal BMIT, iżda wkoll investiment fl-ekonomija u s-settur tan-negozju f'Malta. Spjega wkoll li s-servizzi pprovduti minn BMIT huma kruċjali għal negozji ta’ kull daqs, speċjalment dawk dipendenti fuq is-servizzi tal-informatika 24 siegħa kuljum.
Intant diversi attivisti tal-Partit Laburista qed ixerrdu messaġġi dwar dawn l-aħħar investimenti mħabbrin jew inawgurati fil-pajjiż, apparti li qed ixerrdu wkoll il-messaġġ illi dawn l-investimenti juru li Joseph Muscat jinsab f'pożizzjoni b'saħħitha.
"