Muscat ma setax jinjora 5,476 vot

‘Ma kinitx deċiżjoni faċli u domt naħsibha siegħa’ – Emmanuel Mallia

Wara nuqqas ta’ sena u erba’ xhur mill-Kabinett, l-avukat Emmanuel Mallia rritorna bħala Ministru għall-Kompettività. Il-Prim Ministru Muscat għażel li jgħolli grad lil dak li kien segretarjat għal Ministeru u offrieh lil persuna li bla dubju kellu bżonnu fil-Kabinett tiegħu fejn jidher li Muscat iddeċieda li ministri ta’ stoffa u kważi indispensabbli jridhom ma’ djulu.

“Ma kinitx faċli li naċċetta, għax kont erġajt dħalt sew fix-xogħol professjonali tiegħi ta’ avukat. Irċevejt l-aħbar permezz ta’ telefonata mingħand il-Prim Ministru u ma tajtux risposta mill-ewwel. Fil-fatt domt siegħa naħsibha u ddeċidejt li naċċetta l-ministeru li offrieli l-Prim Ministru. Inħoss li l-Prim Ministru ħa deċiżjoni fil-konfront tiegħi għax jaf li nista’ nagħti kontribut fil-Kabinett u anke lill-poplu in ġenerali.”

Emmanuel Mallia għandu s-saħħa ta’ voti miksuba fejn minn żewġ distretti meqjusa bħala ‘Nazzjonalisti’ kiseb 5,476 vot u kaxkar kważi lil kull kandidat Laburista li kkontestaw fl-istess distretti, fosthom Leo Brincat, Evarist Bartolo u Michael Falzon. Hu mifhum li Mallia jikseb ħafna voti li huma tiegħu personali, inkluż voti ta’ persuni Nazzjonalisti u dan il-fattur elettorali kien parti kbira mir-raġuni li Mallia reġa’ sab ruħu fil-Kabinett Laburista.

Mallia qal ukoll li l-politika trid tinbidel u tkun politika li ġġib il-progress għall-ġid tal-poplu kollu, “u mhux politika ta’ tgħajjir u naħlu l-ħin f’atmosfera negattiva. Trid tkun politika ta’ djalogu, dibattitu u kunsens biex joħroġ l-aħjar u l-aqwa għall-poplu kollu. Tant hu hekk li jien deċiż li naħdem max-shadow minister tal-PN billi nikkonsultaw u naħdmu flimkien.”

 

More in Politika