'Se niggvernaw sa tmiem il-leġislatura imbagħad inħalli lil poplu jiġġudika'
Muscat f'diskors imqanqal li jfakkrek aktar f'kampanja elettorali quddiem Kastilja maħnuqa min-nies
More in Politika
Muscat f'diskors imqanqal li jfakkrek aktar f'kampanja elettorali quddiem Kastilja maħnuqa min-nies
Quddiem eluf kbar ta' partitarji Laburisti, il-Prim Ministru Muscat għamel diskors imqanqal li fih tkellem dwar il-viżjoni ekonomika u soċjali għas-sentejn li ġejjin.
"L-oppożizzjoni ġew jitolbuna ċ-ċavetta iżda l-poplu qalilhom le...se niggvernaw sal-aħħar imbagħad inpoġġu lilna nfusna għal ġudizzju tal-poplu" qal Muscat
Qal ukoll li minn għada l-gvern se jieqaf jagħti kuntratti għal xogħol inqas minn sena, fejn min jintagħżel ma jkunx dak li jagħmel l-irħas offerta iżda l-aqwa kundizzjonijiet ta' xogħol. Dawk il-kumpaniji li l-ħaddiema tagħhom huma f'unjin u għandhom ftehim kollettiv għandhom ċans aktar li jirbħu kuntratti mal-gvern.
“Aħna moviment favur in-negozju iżda wkoll f'koalizzjoni li tissaħħaħ meta l-ħaddiem ikun aktar b'saħħtu" qal Muscat li ħalef li se jkompli jiġġieled il-faqar. Qal ukoll li persuni b'diżabilita li ma jistgħux jaħdmu se jibdew jirċievi benefiċċji li jlaħħqu daqs il-paga minima. Qal li fis-sentejn li ġejjin se jkun hemm diskussjonijiet aktar fuq iż-żwieġ bejn il-gays u li żgħażagħ ta' 16-il sena jkunu jistgħu jivvutaw f'elezzjoni għal Membri Parlamentari Ewropej u wara jkomplu diskussjonijiet biex il quddiem anke jivvutaw f'elezzjoni ġenerali. Il-pensjonijiet s ejkomplu jiżdiedu u dawk il-persuni li jiddeċiedu li joqogħdu d-dar biex jieħdu ħsieb il-familjari tagħhom se jibdew jirċievu pensjoni wkoll.
Qal li se jibqa jiġġieled biex isalva l-AirMalta u li t-trasport pubbliku jitjieb. Wegħda elettorali li jrid li jseħħ hu li l-membri Parlamentari jitħallsu skont kemm jattendu l-Parlament u kull kuntratt tal-gvern jiġi pubblikat. Dwar l-ambjent qal li mhux se jkun hemm aktar żvilupp fuq ODZ. "Għamilna ħafna iżjed f'dawn it-tliet snin milli ħaddieħor għamel f'25 sena."
Dwar l-iskandlu tal-Panama qal, "Jien l-ewwel wieħed li se nġorr ir-responsabilita għal dak li ġara għax jein ġejt quddiemkom nitlobkom il-fiduċja fija. Jien ġejt bil-wegħdiet u kburi li qed inwettquhom. Għalhekk qed ngħidilkom li jien u sħabi għandna l-enerġija li nkomplu naħdmu, anzi nirduppjaw ix-xogħol tagħna. Għandna l-enerġija għax intkom magħna u grazzi talli qegħdin magħna."