‘Inqis din il-kariga bħala waħda prestiġġjuża’
Leo Brincat qed iħejji ruħu għal- grilling u fl-istess waqt jgħid li m'għandu l-ebda biża li joħorġulu xi 'skeletru mill-gwardarobba (passat)'
More in Politika
Leo Brincat qed iħejji ruħu għal- grilling u fl-istess waqt jgħid li m'għandu l-ebda biża li joħorġulu xi 'skeletru mill-gwardarobba (passat)'
B’sorpriża għal ħafna, din il-ġimgħa saret ‘reshuffle’ fejn il-Ministru tal-Ambjent, Leo Brincat tneħħa mill-kariga għax ġie nominat għal awditur fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Pożizzjoni li forsi hawn min ħaseb li kienet manuvra biex jitneħħa mill-Kabinett, wara li kien wieħed mill-iktar ministri voċiferi favur it-tneħħija ta’ Konrad Mizzi minn ministru, u wara artiklu li deher il-Ħadd li għadda fuq l-ILLUM, fejn l-istess Brincat appella biex ħadd u xejn ma jfixkel mir-rankatura li qabad il-Gvern.
“Qist din in-nomina kif qisuha dawk kollha li awgurawli – miż-żewġ naħat tal-Kamra u anki minn fost membri tal-pubbliku - bħala kariga prestiġjuża fejn wieħed jista’ jkun ta' unur għall-pajjiż li nnominah, dejjem jekk jaqdi dmiru kif mistenni minnu.” Leo Brincat tkellem ma’ din il-gazzetta, fejn kompla jgħid li iżda aktar minn kollox, qed iħares lejha bħala okkażjoni fejn jista’ jagħti dimensjoni Ewropea lill-ħidma politika u Parlamentari tiegħu fuq livell nazzjonali wara 34 sena ta’ ħidma. “Inħoss li hija opportunità li tista’ tiftaħ orizzonti ġodda u anki toffri sfidi ġodda u li tista’ tgħin biex tkabbar u ssaħħaħ l-esperjenza Parlamentari u fil-Gvern li ksibt tul is-snin.”
Jekk jiġi maħtur f’din il-kariga, Leo Brincat ikollu jitrasferixxi lejn il-Lussemburgu u jgħix hemm. Għal dan, huwa qalilna li sab appoġġ kbir mill-familja u lest li jitla’ jgħix hemm flimkien ma’ familtu ġaladarba jiġi aċċettat fil-kariga. “Kieku ma sibtx dan l-appoġġ, kieku ma kontx nikkunsidra l-kariga.”
Kulħadd jaf kif spiċċat in-nomina ta’ Toni Abela meta m’għaddiex mill-grilling tal-membri Parlamentari Ewropej, u għalhekk staqsejna lil Leo Brincat kif qed jipprepara għal dan il-grilling biex ma jkollux l-istess tmiem li kellu Abela. “Nippreferi nkun pożittiv u nħares ’il quddiem billi nħejji ruħi mill-aħjar li nista’ fuq livell tekniku kif jixraq għal kariga bħal din u wara, ikun xi jkun il-verdett tal-proċess tal-verifika u skrutinju, inkun lest li noqgħod għad-deċiżjoni aħħarija tieghu. Il-ħsieb tiegħi huwa li nuri kif jien inħares lejn il-Qorti Ewropea tal-Awdituri llum, u li nfisser il-viżjoni tiegħi dwar kif tista’ tevolvi fil-ġejjieni.”
Il-Membri Parlamentari Ewropej, lil Toni Abela ħarġulu skeletru mill-gwardarobba meta semmewlu l-istorja tal-blokka bajda tal-każin tal-PL li kienet ħarġet qabel l-elezzjoni li għaddiet, u għalhekk staqsejna lil Leo Brincat jekk jibżax li joħorġulu xi skeletru tal-passat. Brincat dlonk weġibna li “kieku kelli dawn il-biżgħat, lanqas biss kont nikkunsidra li naċċetta li niġi nnominat.”