Għal mistoqsijiet tas-sit illum.com.mt il-Linja Nazzjonali tal-Arju l-Airmalta saħqet illi "għadu kmieni" biex jibdew it-taħdidiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Dan is-sit staqsa lill-Air Malta dwar meta beħsiebha tiltaqa' mar-rappreżentanti tal-ħaddiema u dan wara li dawk li tkellmu mas-sit illum.com.mt mill-Union tal-Cabin Crew u mill-Airline Pilots Association (ALPA) stqarrew illi s'issa il-ħaddiema qed jinżammu fid-dlam.
Dan is-sit staqsa wkoll jekk il-kumpnija hix qed tħares lejn il-possibilita' ta' tnaqqis ta' kundizzjonijiet, tnaqqis fil-pagi jew it-tnejn. Iżda f'risposta l-Airmalta fakkret kif wara l-iffirmar tal-Memorandum of Understanding bejn il-Gvern u l-Alitalia, "issa beda l-proċess tan-negozjati bejn iż-żewġ partijiet. Għadu għalhekk kmieni biex f'dan l-istadju jibdew it-taħdidiet mal-unions rispettivi tal-ħaddiema."