Fenech Adami: '100 persuna ingħataw il-vot bi ksur tal-kostituzzjoni'
minn Albert Gauci Cunningham
Sa llum jirriżulta li madwar 100 barrani li fix-xhur li għaddew xtraw iċ-ċittadinanza Maltija, ngħataw il-vot għall-elezzjoni ġenerali bi ksur ċar tal-Kostituzzjoni ta’ Malta. Il-Partit Laburista fil-Gvern, filwaqt li kull ma jmur qiegħed jitlef il-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi, qiegħed jirrikorri għal prattiċi korrotti biex ibagħbas il-proċess elettorali għal gwadann tiegħu.
Dan żvelah il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ta d-dettalji ta’ skandlu ġdid li juri bl-aktar mod ċar prattiċi li minbarra li huma llegali, huma wkoll korrotti, u li juru kif il-Partit Laburista qata’ qalbu milli jikkonvinċi lill-elettorat Malti biex jivvutalu, u għalhekk, biex ipatti għal dan it-telf ta’ voti, qed jagħti l-voti b’mod illeċitu lil min ikun xtara ċ-ċittadinanza Maltija.
Beppe Fenech Adami qal li l-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Nazzjonalista eżamina numru ta’ ismijiet li feġġew fl-aħħar żewġ reġistri elettorali u li kienu jindikaw li dawn ġabu ċ-ċittadinanza Maltija fl-aħħar ftit xhur. “Sa issa jirriżulta, mir-riċerka żgħira li saret, li hemm mal-100 persuna li xtraw iċ-ċittadinanza Maltija u li spiċċaw fir-reġistru elettorali,” qal Beppe Fenech Adami.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega kif minkejja li l-Kostituzzjoni ta’ Malta tirrikjedi li biex persuna tingħata d-dritt għall-vot, trid tkun minn tal-anqas għexet għal 6 xhur mill-aħħar 18-il xahar f’Malta, uħud mill-applikazzjonijiet saħansitra jinkludu konfermi li l-persuni ma għexux f’Malta fl-aħħar sitt xhur, u saħansitra wħud li lanqas biss jinkludu ebda forma ta’ indikazzjoni dwar dan. “Ħafna mill-applikazzjonijiet għandhom dettalji nieqsa, fosthom saħansitra anke firem,” qal Beppe Fenech Adami, li spjega kif dan hu skandlu ieħor fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Hu sostna li dawn il-voti huma fil-maġġoranza tagħhom ivvizzjati u manifestament abbużivi. Fost in-nazzjonalitajiet ta’ dawn il-persuni li spiċċaw bil-vot hemm dawk Ċiniżi, Russi, Sirjani, Pakistani, u mill-Ażerbajġan. F’dan id-dawl, Beppe Fenech Adami ħabbar li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed imur fil-Qrati Maltin biex jassigura li fl-elezzjoni ġenerali jivvota min tassew għandu dritt għall-vot, u mhux barranin li minkejja li xtraw il-passaport Malti, ma jgħixux f’pajjiżna, u għaldaqstant, m’għandhomx id-dritt li jivvutaw.
Minn naħa tiegħu, d-direttur tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Nazzjonalista Matthew Mangion spjega li l-proċess biex jiġi żvelat dan l-iskandlu ma kienx wieħed faċli, iżda kien proċess li jinvolvi siegħat twal ta’ riċerka. Hu sostna li waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li ħa l-Gvern ta’ Joseph Muscat wara l-elezzjoni, kien li jwaqqaf Identity Malta.
Meta twaqqfet Identity Malta r-responsabbilità għall-ħruġ tal-Karta tal-Identità u dak kollu relatat mad-dokumenti tal-identità għadda f'idejn Identity Malta minn idejn l-Uffiċċju Elettorali b'tali mod li llum-il ġurnata l-Uffiċċju Elettorali jiddependi għal kollox fuq l-informazzjoni li tiġi mgħoddija lilu minn Identity Malta.