'Għandna kollass totali tal-awtorità f’pajjiżna'
'B’politika onesta, tgawdi int' - Simon Busuttil
minn John Busuttil
Bħalissa f’pajjiżna għandna kollass totali tal-awtorità fil-pajjiż, bi kriżi ta’ awtorità morali, kriżi fit-tmexxija għaliex min qed imexxi mhux iħares il-liġi, m’għandu etika ta’ xejn u mhux jagħraf id-differenza bejn it-tajjeb u l-ħażin. Dan kollu ġej mill-fatt li l-Gvern m’għandux boxxla morali u l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jinsabu ġġammjati, għaliex flok jiddefendu liċ-ċittadini, qegħdin jiddefendu lill-Gvern.
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt kollegament telefoniku fuq Radio 101, filwaqt li spjega li pajjiżna għandu bżonn politika onesta, għaliex b’politika onesta, jgawdi l-poplu kollu. Hu sostna li meta l-pajjiż ikollu politika u Gvern maħmuġin, u li jkun fi kriżi ta’ korruzzjoni, l-Gvern ma jiffokax fuq il-problemi tal-poplu. Minn naħa l-oħra, Gvern li jkollu awtorità morali, jkun jista’ jiffoka u jsolvi l-problemi tal-familji Maltin u Għawdxin.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera għall-aħħar żviluppi fl-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi, bl-aħħar żvilupp ikun li l-istess konsulent finanzjarju li fetaħ il-kumpaniji sigrieti ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, fetaħ ukoll kumpanija sigrieta għall-persuna li magħhom innegozjaw l-istess Mizzi u Schembri, l-bejgħ tal-Enemalta. “Dan il-każ iqajjem suspetti ta’ korruzzjoni, u kull min jirraġuna jinduna li hemm xi ħaġa tinten,” qal Simon Busuttil, filwaqt li sostna li ebda libell u intimidazzjoni m’huma se jgħalqu ħalq l-Oppożizzjoni.
Filwaqt li sellem u esprima s-solidarjetà mal-ġurnalisti li qed jispiċċaw attakkati minn Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi, Simon Busuttil irrefera wkoll għal dak żvelat fl-aħħar siegħat fejn ħareġ li l-formola li l-konsulent finanzjarju ta’ Konrad Mizzi ssottometta biex tinfetaħ it-trust fin-New Zealand, ma mmarkax li ried jitfa’ l-proprjetà tiegħu f’din it-trust. “Aktar ma’ Konrad Mizzi jibqa’ fejn qiegħed, aktar il-kredibilità tiegħu tkompli tispiċċa,” qal Simon Busuttil. Hu insista, kif għamel għal dawn l-aħħar ġimgħat, li l-Pulizija għandha tinvestiga l-kuntratti kollha li għamel Konrad Mizzi f’isem il-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera għall-mozzjoni ta’ ċensura li ressqet id-Deputat indipendenti Marlene Farrugia f’Keith Schembri. “Il-Parlament għandu dritt li jiddiskuti mozzjoni f’Keith Schembri, iżda l-Gvern qed jiprova jagħmel sarima ma’ ħalq il-membri tal-Parlament b’theddida għad-demokrazija,” qal Simon Busuttil.
Dwar l-iżvelar tal-iskandlu tal-ħruġ tad-dokumenti tal-voti kontra l-Kostituzzjoni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dawn huma prattiċi korrotti. “Il-Partit Nazzjonalista qiegħed b’għajnejh miftuħa, u qiegħed attent għal kull ħaġa li qed isir fis-sistema elettorali. M’aħna se nħallu xejn għaddej, speċjalment fejn jidħol ir-reġistru elettorali,” qal Simon Busuttil.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li meta l-Gvern ikun fi kriżi ta’ korruzzjoni, dan ma jistax ikun Gvern tajjeb. Hu rrefera għar-rapport tal-Caritas li ġie ppreżentat din il-ġimgħa li jikkonferma li Joseph Muscat falla fil-wegħda li se jeqred il-faqar minn pajjiżna. “Il-faqar mhux talli ma nqeridx, iżda talli żdied taħt Joseph Muscat” qal Simon Busuttil.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan ir-rapport se jkun qed jiġi ppreżentat lill-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista. Ir-rapport juri li l-istess basket ta’ prodotti essenzjali li kien eżaminat fl-2012, issa sar jiswa ferm aktar. Fost l-oħrajn, basket ta’ prodotti l-istess għal familja b’żewġt itfal, illum jiswa’ kważi €1,000 aktar minn erba’ snin ilu.
Fl-aħħarnett, Simon Busuttil tkellem ukoll dwar l-isfida tat-traffiku, hekk kif din il-ġimgħa, l-Partit Nazzjonalista ppreżenta 35 proposta biex jittaffa t-traffiku fl-immedjat. “Aħna ma gergirniex biss, iżda ressaqna l-proposti bħala Gvern alternattiv,” qal Simon Busuttil, filwaqt li sostna li l-imsieħba soċjali kollha laqgħu l-proposti b’mod pożittiv, mhux biss għall-fatt li l-proposti huma sempliċi u jistgħu jitwettqu, iżda anke għaliex il-Partit Nazzjonalista qed ikun Gvern alternattiv.
Hu sostna li jekk Joseph Muscat u Joe Mizzi ma jwettqux dawn il-proposti, se jkun il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern li wara l-elezzjoni jwettaqhom hu.