“L-Unjoni Ewropea għandha ssaħħaħ ir-relazzjonijiet barranin sabiex networks kriminali nvoluti fit-traffikar tal-bnedmin jitressqu quddiem il-ġustizzja. Il-koperazzjoni effettiva fl-Unjoni mal-istakeholders ewlenin bħalma huma l-NGOs, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-pajjiżi terzi hija meħtieġa biex niġġieldu u nipprevjenu t-traffikar tal-bnedmin”.
L-Ewroparlamentari Maltija Therese Comodini Cachia qalet dan wara laqgħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament Ewropew fejn ġie adottat ir-rapport ‘The fight against trafficking in human beings in the EU’s external relations’.
Bħala shadow rapporteur f’isem il-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fuq dan ir-rapport, il-kontribut ta’ Comodini Cachia kien iffukat, li jinkoraġġixxi li l-Unjoni Ewropea tiżviluppa strateġija kontra t-traffikar tal-bnedmin, li jkollha dimensjoni akbar u li tikkunsidra l-vulnerabbiltajiet differenti tal-persuni li jispiċċaw vittmi ta’ dawn in-networks kriminali.
Comodini Cachia qalet ukoll li “l-korporazzjonijiet multinazzjonali għandhom rwol li l-kummerċ ukoll jiġġieled it-traffikar tal-bnedmin. Sakemm ma nindirizzawx bis-serjetà s-sitwazzjoni f’pajjiżi terzi, li qed jgħinu fiż-żieda ta’ vittmi li jidħlu fl-Ewropa, mhux se nkunu nistgħu nsaħħu l-miżuri li qed jittieħdu kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-Unjoni Ewropea”.
L-Ewroparlamentari Therese Comodini Cachia hija membru tas-sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament Ewropew.