John Dalli wieġeb lil the Malta Independent dwar artikli u rapporti li nkitbu fuqu bi kliem iebes, "Inżomm lill-edituri tagħkom u lid-diretturi tagħkom kollha responsabbli, għax issa spiċċat li qtiltuli lil marti permezz ta' dan il-fastidju li timxu wara l-passi tiegħi kif dejjem għamiltu. Qed inżommkom responsabbli."
Dan qalu wara li The Malta Independent bdiet tistaqsih ċertu mistoqsijiet dwar ix-xogħol kurrenti tiegħu fejn hu qal li hu prattikament irtirat għax kull meta jipprova jsib xi xogħol, "in-nies jaqraw il-ħmieġ li jinkiteb dwari fuq l-istess ġurnal, u tlift kull ċans għax-xogħol."
Mistoqsi mill-istess ġurnal biex jiddikjara l-interess tiegħu fil-proġett tal-isptar t''Għawdex wara l-istorja li ħarġet Daphne Caruana Galizia hu qal li l-alegazzjoni, "hi kollha gidba u kollox ġie ivvintat. Din hi persekuzzjoni li ilha ġejja minn Daphne Caruana Galizia. Iva inqisha bħala terrorista. Dawn huma kollha gideb."
Sadattant il-Malta Independent stqarret li hi dejjem aġixxiet b'rieda tajba u dejjem talbet il-kummenti ta' Dalli qabel kull rapport jew 'headline' li ħarġet fuq il-ġurnal.